Monday, May 13, 2024

UNL tan-Nisa: Punt biżżejjed għall-Maltin biex jikkwalifikaw għal League B

Aqra wkoll

It-team nazzjonali Malti tan-Nisa, illum jilgħab l-aħħar partita tiegħu ta’ League C, Grupp C1, tal- UEFA Nations League meta fis-Centenary Stadium, jospita lil dak tal-Latvja. 

Dan se jkun is-sitt impenn tat-team immexxi mill-coach Taljana, Manuel Tesse, hekk kif fil-logħbiet preċedenti rreġistra ħames rebħiet u ġie miżmum darba biss. 

Għaldaqstant, mill-parti­ta tal-lum jonqosna punt wieħed biss biex tinkiteb l-istorja billi nirbħu l-promozzjoni għal League B. 

Madankollu, kwalunkwe telfa tkun tfisser l-eliminaz­zjoni minħabba li l-Latvja għandhom differenza ta’ goal aħjar minna. Barra minn hekk, il-Maltin kienu għelbuhom f’Riga, bl-iskor ta’ 1-0. 

Il-Maltin skorjaw 11-il goal u ma sofrew l-ebda wieħed kontra s-16-il goal li skorjaw u l-erbgħa li sofrew il-Latvja. 

Fil-logħbiet preċedenti, spikkat l-attakkant Haley Bugeja li skorjat xejn inqas minn tmien goals … wieħed isbaħ mill-ieħor.

It-tfajliet Maltin jinsabu motivati li mhux iġibu biss il-punt li għandhom bżonn iżda saħansitra t-tliet punti biex jispiċċaw l-impenji tagħhom bl-aqwa mod possibbli hekk kif se jilagħbu quddiem il-partitarji Maltin. 

It-tfajliet tagħna ġejjin minn draw ta’ mingħajr goals kontra l-Moldova, f’Chisi­nau, u minkejja li kienu l-aħjar team, ma rnexxielhomx isibu t-triq lejn ix-xibka avversarja. 

Illum il-players tagħna jridu juru rispett massimu lejn l-avversarji hekk kif psikoloġikament jibdew “favoriti” minħabba li f’Settembru li għadda, għelbuhom f’pajjiżhom stess bl-iskor ta’ 1-0, bl-uniku goal jiġi skorjat minn Bugeja. 

Madankollu, minn dik it-telfa, il-Latvja kisbu 10 punti, minn tliet rebħiet u draw. 

Huma jinżlu b’moral għoli hekk kif ġejjin minn reb­ħa kbira ta’ 4-0 fuq Andorra, liema partita ntlagħbet f’kundizzjonijiet estremi ta’ silġ.

Huma jinsabu wkoll motivati li jkunu huma li jiksbu din il-promozzjoni. Wara kollox, il-pressjoni ma tinsabx fuqhom iżda tinsab fuq il-Maltin … u għal­daqs­tant żball min-naħa tagħ­na jista’ jkun detrimentali. 

It-team huwa mmexxi mill-coach, Roman Kvakocs, li għandu 43 sena u li ilu jmexxi lil dan mill-2021.

Fl-iskwadra preżenti hu­ma għandhom lill-iktar play­er ta’ esperjenza, Sandra Voitane, li minkejja li għad għandha biss 24 sena, diġá lagħbet 55 darba għal pajjiżha.

Il-mezzi tax-xandir tal- Latvja tkellmu dwar l-aħħar laqgħa bejn dawn iż-żewġ timijiet fejn sostnew li t-telfa  kienet inġusta minħabba li ma kienx il-każ li l-aħjar team ħareġ rebbieħ. Għalhekk, illum jinsabu lesti għal tpattija sportiva. 

Min-naħa tal-coach ta’ Malta, Tesse, m’għandhiex problemi partikolari ta’ formazzjoni u mistennija tibda bl-ewwel ħdax li lagħbu kontra l-Moldova, f’Chi­sinau.

Il-partita tibda fl-4.00 pm fejn mistennija l-akbar attendenza f’pajjżna kemm ilu jeżisti t-team nazzjonali tan-nisa … biex tagħti l-appoġġ lit-tfajliet tagħna. 

It-taqsima tal-Isport ta’ dan il-ġurnal jawgura pres­tazzjoni tajba biex finalment verament tinkiteb l-istorja b’ittri tad-deheb. 

L-iskwadra hija: 

Goalkeepers:  Janice Xue­reb (Birkirkara). Raisa Cos­tantino (Tharros – Italja).

Difensuri:  Emma Lipman (Como – Italja); Charlene Zammit, Stephania Farrugia, Valentina Rapa, Ann Marie Said (Birkirkara); Jessica Lee Dimech, Tammy Falzon, Jade Schembri Emma Xuereb (Swieqi U.).  

 Midfielders: Rachel Cuschieri (Sampdoria – Italja); Dorianne Theuma, Shona Zammit (Swieqi U.), Brenda Borg (Mgarr U.), Nicole Sciberras (Hibernians); Veronique Mifsud (Birkirkara).

Attakkanti: Maria Farrugia (Lewes FC, Ingilterra); Kailey Willis (Meran Women – Italja); Haley Bugeja (Inter – Italja); Ylenia Carabott (London Seaward FC – Ingilterra; Alishia Sultana (Birkirkara), Maya Lucia (Split – Kroazja)

Il-partita se tintwera diretta fuq TVMSports+

Sport