Monday, May 13, 2024

50% tal-miżuri dwar it-tfal ġew implimentati jew huma fil-proċess li jitwettqu

Aqra wkoll

Ħamsin fil-mija tal-miżuri li ġew ippjanati fir-rigward tat-tfal l-iktar dawk vulnerabbli ġew implimentati jew huma fil-proċess li jitwettqu. Fil-fatt 108 miżura qed jiġu implimentati f’erba oqsma ewlenin.

Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-tfal, Mark Musù qal dan waqt il-preżentazzjoni ta’ rapport li mhux biss jenfasizza l-progress sostnut f’dawn is-snin imma wkoll sabiex iservi għal diskussjoni dwar fejn jista’ jissaħħaħ l-appoġġ lejn it-tfal, l-aktar dawk vulnerabbli.

Dan l-impenn juri kif it-tfal minn dejjem kienu prijorità assoluta fil-ħidma u l-politika tal-Gvern sabiex dawn ikollhom l-aħjar opportunità possibbli biex jirrealizzaw il-potenzjal sħiħ tagħhom.

Musù semma wkoll il-faqar u l-privazzjoni bejn il-ġenerazzjonijiet u qal li jeħtieġ li jiżdiedu l-isforzi sabiex tissaħħaħ l-inklużjoni soċjo-ekonomika tat-tfal kollha, li finalment twassal għal solidarjetà interġenerazzjonali ġenwina. Din il-ħidma hija riflessa wkoll fl-isforzi sabiex jiġu indirizzati l-faqar u l-esklużjoni soċjali kif ukoll biex jiġu promossi u infurzati d-drittijiet tat-tfal.

Huwa sostna li wara l-proċess ta’ konsultazzjoni li sar mill-Ministeru mal-partijiet konċernati, qed jiġu implimentati għadd ta’ miżuri f’erba’ oqsma ewlenin li huma, il-protezzjoni soċjali, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni adegwata.

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-Ministru Michael Falzon li rrefera għall-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għal Garanzija tat-Tfal li fissru bħala wieħed mill-għodod li l-Gvern qed juża biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tat-tfal, partikolarment tfal vulnerabbli.

Il-Ministru Falzon enfasizza illi l-implimentazzjoni effettiva u sorveljata tal-Pjana t’Azzjoni Nazzjonali ma tkunx possibli mingħajr l-impenn tal-partijiet kollha involuti fl-iżvilupp u l-forniment tas-servizzi rilevanti kollha.

Huwa temm billi esprima l-fiduċja li l-impenn tal-Gvern li ħadd ma jitħalla jaqa lura, kif minqux fil-Pjana t’Azzjoini, se jgħin biex it-tfal u l-familji tagħhom jinħarġu mill-faqar u biex it-tfal kollha jiġu ggarantiti bidu ugwali fil-ħajja.

Sport