Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Chris Fearne ffirma ftehim mal-International Ocean Institute (IOI) li jġedded il-qafas li permezz tiegħu Malta tibqa’ tospita l-kwartieri ġenerali globali ta’ dan l-istitut internazzjonali, li ilu bbażat f’pajjiżna għal aktar minn ħamsin sena.
Il-ftehim jaġġorna l-qafas eżistenti bejn Malta u l-IOI u jipprovdi bażi moderna għall-operat tal-Istitut minn Malta. Dan filwaqt li jkompli jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta bħala ċentru internazzjonali fil-qasam tal-governanza tal-oċeani, il-liġi marittima, l-edukazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar.
Qabel l-iffirmar, il-Ministru Fearne kellu laqgħa ma’ Antonella Vassallo, Direttur Maniġerjali tal-IOI u mal-Professur Simone Borg. Matul il-laqgħa ġiet diskussa l-ħidma tal-Istitut kemm f’Malta kif ukoll fuq livell internazzjonali, b’mod partikolari fil-qasam tat-taħriġ u l-edukazzjoni fil-governanza tal-oċeani. Preżenti waqt il-laqgħa u l-iffirmar kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, Christopher Cutajar.
Il-Ministru Fearne saħaq li l-baħar huwa parti integrali mill-identità, l-ekonomija u l-politika barranija ta’ Malta, u li permezz ta’ dan il-ftehim pajjiżna se jkompli jsaħħaħ ir-rwol tiegħu fuq livell internazzjonali fil-governanza sostenibbli tal-oċeani, filwaqt li jibni fuq l-esperjenza u l-wirt storiku tiegħu f’dan il-qasam.
L-International Ocean Institute twaqqaf fl-1972 mill-Professur Elisabeth Mann Borgese u għandu rabta storika mill-qrib ma’ Malta. Il-ħidma tiegħu hija mibnija fuq il-prinċipju tal-‘Common Heritage of Mankind’, kunċett imressaq fuq livell internazzjonali mill-Ambaxxatur Malti Arvid Pardo u li kellu rwol importanti fl-iżvilupp tal-governanza internazzjonali tal-oċeani.
Mill-kwartieri ġenerali tiegħu f’Malta, l-IOI jikkoordina programmi internazzjonali ta’ taħriġ u edukazzjoni, filwaqt li permezz tan-network internazzjonali tiegħu jgħin biex professjonisti, uffiċjali u dawk li jfasslu l-politika f’diversi pajjiżi jsaħħu l-għarfien u l-kapaċitajiet tagħhom fil-governanza tal-oċeani.
