Thursday, December 26, 2024

Malta tfakkar Jum il-Vitorja

Aqra wkoll

Matul il-ġurnata tal-lum kien iċċelebrat Jum il-Vitorja, ġurnata importanti fl-istorja ta’ pajjiżna li tfakkar ir-rebħa tal-Assedju l-Kbir tal-1565 u tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija fl-1943.

Din il-ġurnata taħbat ukoll mal-kommemorazzjoni tat-twelid tal-Verġni Marija, magħrufa aħjar bħala l-Bambina, festa li kienet iċċelebrata f’erba’ lokalitajiet – l-Isla, in-Naxxar, il-Mellieħa u x-Xagħra, Għawdex.

Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Vitorja, kmieni dalgħodu l-President ta’ Malta George Vella poġġa kuruna tal-fjuri fuq il-monument tal-Assedju l-Kbir fil-Belt Valletta. Huwa kien akkumpanjat miċ-Chairpersn tal-Kumitat Festi Nazzjonali u mis-Sindku tal-Belt Valletta.

Wara sar tqegħid ta’ kuruni mill-Kumitat Festi Nazzjonali fiċ-ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata fejn jiġu mfakkra l-vittmi tat-Tieni Gwerra Dinjija, segwit minn tqegħid ta’ kuruna mal-monument ta’ Malta Rebbieħa fl-Isla u wara mal-monument tal-Assedju f’Misraħ ir-Rebħa, il-Birgu.

Sar ukoll tqegħid ta’ kuruni mill-Kumitat Festi Nazzjonali mal-qabar tal-vittmi tal-Assedju f’forti Sant’Anġlu. Fl-istess waqt ilbieraħ saret ukoll ir-regatta tradizzjonali fil-Port il-Kbir.

Ekonomija

Sport