Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, fil-kapaċità tiegħu bħala Chair-in-Office tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE), ħabbar lejlet il-konklużjoni taċ-Chairpersonship tal-OSCE ta’ Malta li l-Iżvizzera se tassumi l-Presidenza tal-istess organizzazzjoni fl-2026. Din id-deċiżjoni, milħuqa b’kunsens fost is-57 Stat parteċipanti, tenfasizza r-reżiljenza tal-OSCE u lir-rwol ċentrali tagħha fit-trawwim tad-djalogu u l-kooperazzjoni fost l-isfidi globali.
Wara l-konklużjoni tal-Kunsill Ministerjali, Malta żammet l-impenn tagħha biex tissalvagwardja l-funzjonalità tal-OSCE – punt ewlieni li ffukat fuqu ċ-Chairpersonship Maltija.
“Sa mill-bidu, iċ-Chairpersonship ta’ Malta ħaddnet il-motto ‘Insaħħu r-Reżiljenza, Intejbu s-Sigurtà’ li ggwida l-isforzi tagħna biex insaħħu l-OSCE bħala l-pedament tal-paċi u l-istabbiltà internazzjonali,” enfasizza Borg.
L-għażla tal-Iżvizzera bħala ċ-Chairperson tal-2026 timmarka pass sinifikanti fl-iżgurar tal-kontinwità u r-reżiljenza tal-Organizzazzjoni. Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg esprima fiduċja fil-kapaċità tal-Iżvizzera li tmexxi b’mod effettiv, u semma l-esperjenza tagħha, l-impenn lejn il-multilateraliżmu, u d-dedikazzjoni għall-avvanz tal-paċi u s-sigurtà. “It-tmexxija tal-Isvizzera se tkun strumentali biex tmexxi l-OSCE f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida,” żied jgħid.
Hekk kif Malta tikkonkludi l-Chairpersonship tagħha, pajjiżna jinsab kburi bil-kontribuzzjonijiet tiegħu biex jippreserva l-integrità tal-Organizzazzjoni u kompla tejjeb il-kapaċità tiegħu li jwettaq waqt il-mandat tiegħu. Id-Deputat Prim Ministru Borg afferma mill-ġdid l-appoġġ kontinwu ta’ Malta għall-OSCE u ċ-Chairpersons li jmiss tagħha, u stqarr, “Il-wirt tagħna bħala Chairpersons tal-OSCE huwa Organizzazzjoni aktar reżiljenti – mhux perfetta, iżda aktar b’saħħitha u soda fir-riżoluzzjoni tagħha li timxi ’l quddiem. Nistennew bil-ħerqa li tkompli kooperazzjoni mill-qrib mal-Iżvizzera bħala membri tat-Trojka mill-1 ta’ Jannar.”
Iċ-Chaipersonship tal-OSCE tinbidel kull sena fost l-Istati parteċipanti, bil-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Istat taċ-Chairpersonship jservi bħala Chair-in-Office tal-OSCE. Iċ-Chairpersonship tistabbilixxi l-prijoritajiet tal-Organizzazzjoni u tmexxi t-teħid ta’ deċiżjonijiet matul il-mandat tagħha.
Għal aktar informazzjoni, żur affarijietbarranin.gov.mt jew segwi l-paġni soċjali ta’ Affarijiet Barranin.