Iffirmata dikjarazzjoni konġunta bejn l-akbar pajjiżi marittimi fl-Ewropa li tikkonferma l-importanza ta’ Malta bħala leader fis-settur

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Mobbiltà Sostenibbli, Chris Bonett, ħa sehem fid-disa’ Tripartite Meeting bejn il-ministri responsabbli mis-settur marittimu ta’ Ċipru, il-Greċja u Malta. Għal din il-laqgħa li ttellgħet f’Limassol ġewwa Ċipru, għall-ewwel darba, kien hemm ukoll il-parteċipazzjoni tal-Italja.

F’din il-laqgħa ġew diskussi diversi temi dwar dan is-settur, b’mod partikolari fid-dawl ta’ żviluppi ġeopolitiċi riċenti, fl-Istrett ta’ Hormuz, fil-kanal tas-Suez, bil-pajjiżi jsostnu l-kooperazzjoni lejn xulxin, għall-bastimenti li jtajjru l-bandiera ta’ wieħed minn dawn il-pajjiżi f’każ ta’ diffikultà, għajnuna lill-baħħara li jinsabu f’periklu, kif ukoll x’miżuri jistgħu jittieħdu sabiex jiġi garantit il-passaġġ ħieles u sigur lill-vapuri merkantili, jgħaddu minn fejn jgħaddu.

Ġiet diskussa ukoll il-ħtieġa li tkompli tiġi ssalvagwardjata l-kompetittività tas-settur marittimu Ewropew bħala pilastru strateġiku ekonomiku, u l-importanza fil-konnettività u r-reżiljenza Ewropea. Fid-dawl ta’ dan, id-diskussjonijiet iffukaw b’mod partikolari fuq id-dekarbonizzazzjoni tas-settur marittimu, b’iffukar partikolari fuq l-iżviluppi mill-Unjoni Ewropeja dwar ir-rieżamital-Emissions Trading Scheme (EU ETS) li għadu kemm ġie ppubblikat mill-Kummissjoni Ewropea, fejn jidher li oġġezzjonijiet kbar li saru minn Malta, u l-pajjiżi imsemmija, dwar kif kienet ser titħaddem din is-sistema ser jibdew jiġu indirizzati, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mat-trasbord, però b’ammissjoni li fadal ħafna xogħol li jsir u li r-rieżami ppubblikat għad irid jiġi emendat f’numru ta’ aspetti, fuq kollox ir-rikonoxximent speċjali li għandhom jingħataw stati li huma jew għandhom gżejjer, li l-konnettività u l-importazzjoni tal-materji bażiċi tal-popolazzjoni tiddependi primarjament mill-baħar.

L-istess dwar in-Net-Zero Frameworktal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) dwar id-dekarbonizzazzjoni tas-settur, li sal-lum għadha l-aħjar soluzzjoni sabiex ikun hemm reġim ta’ kontroll ta’ emissjonijiet li jkun globali u mhux settorjali li jwassal għal nuqqas ta’ kompetittività fl-Ewropa, partikolarment fil-Mediterran. Il-Ministri qablu dwar l-importanza li dawn l-iżviluppi jibqgħu jiġu segwiti mill-qrib u li jkun hemm koordinazzjoni kontinwa bejn il-pajjiżi fid-dawl ta’ dawn id-diskussjonijiet.

F’dikjarazzjoni konġunta fi tmiem din il-laqgħa, Ċipru, il-Greċja, Malta u l-Italja affermaw il-valuri u l-objettivi komuni fil-ħidma tagħhom favur trasport marittimu li jkun sigur, protett, kompetittiv u li jissalvagwardja aħjar l-ambjent. Il-Ministri tennew ukoll l-importanza tal-libertà tan-navigazzjoni, tal-kooperazzjoni internazzjonali u tal-ħarsien tas-sigurtà tal-baħħara.

Il-Ministru Chris Bonett enfasizza l-importanza ta’ dawn il-laqgħat għal pajjiżna li bħala gżira tiddependi fuq is-settur marittimu biex tirċievi l-maġġoranza tal-merkanzija u l-prodotti essenzjali li nikkunsmaw ta’ kuljum. Huwa spjega kif flimkien ma’ Ċipru, l-Italja u l-Greċja, qegħdin naqblu li filwaqt li għandna mmorru għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur permezz tal-użu ta’ fjuwils nodfa, irridu naraw li din ma ssirx billi tinħoloq tbatija mhux neċessarja fuq in-negozji u n-nies li kapaċi tħalli effett inflazzjonarju.

Il-Ministru qal li “Dawn il-laqgħat huma importanti, għax il-fatt li qegħdin madwar din il-mejda, fejn l-erba’ pajjiżi jirrappreżentaw 75% tal-flotta merkantili Ewropea tagħti prova iktar ċara dwar il-leadership Ewropew li bħala pajjiż għandna f’dan is-settur tant kruċjali għall-kummerċ dinji, u propju f’din il-laqgħa, ma’ sħabna, ftehmna kif għandna nimxu ’l quddiem flimkien mal-imsieħba tagħna Ewropej u mal-Kummissjoni Ewropea biex niggarantixxu li jkun hemm level-playing field għal kulħadd. Li mmorru għal settur marittimu aħdar huwa t-triq ’il quddiem, però b’rispett lejn min jikkontribwixxi l-aktar fis-settur.” 

Huwa għalaq billi qal li d-dikjarazzjoni li ġiet iffirmata ser tara li l-Gvern se jkompli jiżgura li pajjiżna jżomm l-irwol strateġiku li għandu fil-Mediterran bħala ċentru dinji għall-kummerċ marittimu, kif ukoll kif l-erba’ pajjiżi impenjaw ruħhom li jkomplu jaħdmu mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea u ma’ Stati Membri oħra sabiex jiġi żgurat qafas regolatorju li jappoġġja settur marittimu Ewropew b’saħħtu, kompetittiv u reżiljenti.

Il-pajjiżi kollha qablu li jkomplu jsaħħu d-djalogu, il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejniethom, b’mod partikolari fid-dawl tad-diskussjonijiet li ġejjin fi ħdan l-UE u l-IMO dwar temi importanti fosthom id-dekarbonizzazzjoni, il-kompetittività u s-sostenibbiltà fit-tul għal dan is-settur.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport