Monday, May 13, 2024

Malta tospita s-Summit tal-MED9

... id-disa’ pajjiżi tal-EU li jmissu mal-Mediterran

Aqra wkoll

Fil-Berġa ta’ Kastilja llum waranofsinhar tlaqqa’ s-Summit ta’ jum, il-MED9, għall-mexxejja tad-disa’ pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li jmissu mal-Mediterran. Dan is-Summit se jiddiskuti temi li jvarjaw mit-traffikar illegali tal-bnedmin, it-tibdil u t-tisħin tal-klima, problemi ekonomiċi – fosthom l-inflazzjoni maħluqa mill-gwerra fl-Ukrajna – u reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-baġit ta’ seba’ snin tal-Unjoni Ewropea, fost l-oħrajn.

Taħt xemx tisreġ, donnu awgurju għas-suċċess tas-Summit, bdew jaslu wieħed wieħed il-Prim Ministri u l-Kapijiet ta’ Stat tad-disa’ pajjiżi msemmija. L-ewwel li wasal kien il-Prim Ministru tal-Islovenja, segwit ftit ħin wara mis-Segretarju tal-Istat Spanjol u mill-Prim Ministru tal-Greċja. Mal-ħin bdew jaslu wkoll il-mexxejja l-oħra, fosthom il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel u ftit wara l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen. L-aħħar li waslet kienet il-Prim Ministru tal-Italja Giorgia Meloni.

Dawn il-mexxejja ġew milqugħa lkoll mill-Prim Ministru Malti Robert Abela li qed jospita dan is-Summit li għalih qed jattendu aktar minn 100 ġurnalist u ġurnalista u fotografi mid-disa’ pajjiżi parteċipi f’dan is-Summit.

Dan is-Summit huwa t-tieni wieħed tax-xorta tiegħu li qed jitlaqqa’ f’Malta, bl-ewwel wieħed li sar fis-sena 2019 meta dakinhar il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fin-Naħa t’Isfel tal-Ewropa kienu sebgħa. Ta’ min isemmi li f’Mejju li għadda kienet saret laqgħa tal-MED9 f’Malta għall-Ministri tal-Enerġija. Dakinhar kien intlaħaq ftehim biex jitnied hub ta’ enerġija nadifa fil-Mediterran.

Id-disa’ pajjiżi li jiffurmaw il-MED9 huma Franza, is-Slovejna, Ċipru, il-Greċja, l-Italja, il-Portugall, Spanja, il-Kroazja u Malta. It-temi li se jkunu diskussi b’xi mod qed iħallu impatt fuq dawn il-pajjiżi.

Sport