Sunday, November 24, 2024

Malta trid tibqa’ fuq quddiem fl-ugwaljanza

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru ħabbar li ġie identifikat sit fejn se jinbena hub għal persuni LGBTIQ+ biex is-servizzi li dawn jingħataw jinġabru taħt saqaf wieħed. Dan huwa pass ieħor lejn id-diversità fl-inklużjoni f’pajjiżna. 

Illum ttellgħet it-tieni jum ta’ konferenza bħala parti mill-ativitajiet li qed isiru f’Malta tal-EuroPride, fejn ġew diskussi diversi aspetti marbuta mad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+ fil-kuntest tad-drittijiet tal-bniedem. 

Fid-diskors tiegħu, l-Prim Ministru qal li jinsab kburi li bħala pajjiż qed nilqgħu persuni minn madwar l-Ewropa, u b’mod aktar wiesgħa mid-dinja, għal din iċ-ċelebrazzjoni ta’ mħabba.

Huwa qal li l-“Pride” tirrappreżenta vjaġġ għal ħafna li ġġieldu għad-drittijiet ugwali u anke għal dawk li għadhom jagħmlu hekk illum. Qal li l-attivisti LGBTIQ+ li avviċinawh, ifakkruh dwar il-bżonn li jkomplu jissaħħu d-drittijiet ta’ persuni ġejjin minn din il-komunità. Dr Abela fakkar kif fl-2022, il-Gvern impenja ruħu biex issir il-EuroPride u anke biex titneħħa kull forma ta’ diskriminazzjoni ta’ persuni LGBTIQ+ biex ikunu jistgħu jagħtu d-demm. Fil-fatt, minn Settembru tas-sena li għaddiet, il-parametri biex jingħata d-demm saru ugwali għal kulħadd.

“Dan kollu ġie implimentat, flimkien ma’ għanijiet oħra li wkoll intlaħqu. Minkejja dan, irridu nkomplu niksbu u nwettqu aktar. Foshom it-twettiq tal-ħidma fuq l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Ugwaljanza, il-proviżjoni tal-medikazzjoni PrEP u PEP li huma essenzjali għall-prevenzjoni tal-HIV u l-implimentazzjoni sħiħa tal-Istrateġija u Pjan ta’ Azzjoni għall-Ugwaljanza LGBTIQ+ għall-perjodu 2023-2027,” qal il-Prim Ministru. 

Huwa ħabbar ukoll li fl-aħħar ġimgħat ġie identifikat post għat-twaqqif ta’ hub LGBTIQ+. Dan f’konformità mal-impenn ta’ dan il-Gvern kif spjegat fil-manifest elettorali tiegħu. Dan il-hub se jservi bħala spazju għall-etajiet kollha fi ħdan il-komunità LGBTIQ+, mill-adoloxxenti sal-anzjani. 

“Flimkien ksibna ħafna. Imma dan mhux it-tmiem. Malta se tkompli tibqa’ fil-quċċata tal-ILGA Europe Rainbow Index, għal sena wara l-oħra. Din is-sena kienet it-tmien sena. Se naħdmu biex nerġħu nkunu fuq quddiem nett ta’ dan l-indiċi, għad-disa’ sena konsekuttiv,” żied jgħid Dr Abela. 

Huwa għamel ukoll sejħa għal dawk li għadhom iħossuhom imwarrba, imbeżża’ li juru dak li tassew huma, li jibżgħu mid-diskriminazzjoni u l-mibegħda. “Aħna pajjiż li jilqa’ lil kulħadd. Spazju hemm għalik. L-ebda keyboard warrior, l-ebda hate speech, m’għandha twaqqfek milli tgħix il-verità tiegħek.” 

Il-Prim Ministru tenna li jħares ‘il quddiem li jingħaqad f’din iċ-ċelebrazzjoni ta’ mħabba u l-ugwaljanza u għada s-Sibt jimxi fit-toroq tal-Belt Valletta waqt il-Pride March. 

“Jiena kburi li niċċelebra dawn is-suċċessi u l-vjaġġ ta’ kull wieħed u waħda minnkom. Fejn jista’ jsir aktar, inwiegħed li se nagħmel dan,” temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela. 

Intant, ilbieraħ saru wkoll diskorsi minn Kristine Garina – President tal-European Pride Organisers Association, Michael Willeke – Integrated Marketing Experience Director Coca Cola Europe u minn Helena Dalli – Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza. Intwera wkoll messaġġ permezz ta’ video minn Pete Buttigieg – Segretarju għat-Trasport tal-Istati Uniti.

Sport