Monday, May 13, 2024

Malta u Ċipru jsaħħu l-kollaborazzjoni tagħhom fuq is-sigurtà fit-toroq, it-trasport pubbliku u l-elettrifikazzjoni fil-qasam marittimu

Aqra wkoll

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia ospita f’pajjiżna lill-Ministru Ċiprijott għat-Trasport, il-Komunikazzjoni u x-Xogħol Alexis Vafeades.

Il-Ministru Farrugia u l-Ministru Vafeades kellhom numru ta’ laqgħat bilaterali li matulhom żaru wkoll numru ta’ proġetti u inizjattivi bil-għan li jsaħħu l-isforzi kollaborattivi bejn iż-żewġ pajjiżi.

Il-Ministru Ċiprijott kellu kliem ta’ tifħir għal Malta u l-mod li bih pajjiżna qed jinvesti fil-futur permezz ta’ numru ta’ proġetti li qed iħallu differenza sinifikanti fis-sostenibbiltà.

Il-Ministru Vafeades u l-Ministru Farrugia żaru l-uffiċċji tal-Malta Public Transport, u ċ-charging station fil-Floriana. Hawn ġie spjegat l-investiment riċenti li ħabbar il-Gvern flimkien mal-operatur fejn permezz ta’ investiment ta’ €20 miljun ġew introdotti 30 tal-linja elettrika ġdida mal-flotta preżenti, li qed jagħtu lill-pajjiż aktar minn 400 vjaġġ addizzjonali kuljum. Il-Ministru Vafeades ġie muri ċ-charging station bħala parti minn dan l-investiment li se jkun kapaċi jiċċarġja karozza tal-linja f’ħin qasir, biex din tkompli għaddejja bis-servizz kemm jista’ jkun malajr. Waqt li kien f’Malta, huwa kellu ċ-ċans ukoll jagħmel użu minn waħda minn dawn il-karozzi tal-linja elettrika li huma mgħammra b’faċilitajiet bħal charging hubs u Wi-Fi b’xejn.

Il-Ministru Vafeades kien akkumpanjat għal żjara fil-control room ta’ Transport Malta, fejn hawnhekk ġie muri l-ħidma li twettaq l-Awtorità biex tmexxi l-fluss tat-traffiku, partikolarment fil-ħinijiet tar-rush hour. Kien spjegat kif permezz ta’ numru ta’ cameras u uffiċjali f’postijiet strateġiċi, l-Awtorità tkun tista’ tmexxi t-traffiku skont l-esiġenzi tal-ġurnata.

Id-delegazzjoni Ċiprijotta għamlet żjara wkoll fil-proġett tas-shore-to-ship, fejn hawnhekk ġie spjegat kif dan il-proġett, li bħalissa jinsab fil-fażi finali tiegħu, se jnaqqas aktar minn 90% tat-tniġġis tal-arja mill-cruise liners fil-Port il-Kbir. Dawn il-faċilitajiet se jelettrifikaw is-sistema abbord tal-vapur waqt li jkun irmiġġat fil-port, u jtejbu l-kwalità tal-arja għal 17,000 familja li jgħixu f’din iż-żona. Waqt iż-żjara tiegħu, l-Ministru Ċiprijott ġie muri kif taħdem din is-sistema b’mod komprensiv.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Aaron Farrugia spjega kif fiż-żmien li ġej iż-żewġ pajjiżi se jkunu qed isaħħu l-isforzi kollaborattiva tagħhom. “Kemm fuq livell ta’ Kunsill tal-Ministri, kif ukoll b’mod bilaterali, Malta u Ċipru se jkomplu jsaħħu l-ħidma tagħhom flimkien fuq diversi temi, hekk kif l-isfidi li ż-żewġ pajjiżi jiffaċċjaw huma pjuttost simili. Inħares ’il quddiem għal aktar ħidma fejjieda mal-Ministru Vafeades,” tenna l-Ministru Farrugia.

Il-Ministru Ċiprijott Alexis Vafeades faħħar lil Malta għall-mod ta’ kif pajjiżna qiegħed jinvesti fil-futur u jimpenja ruħu li jagħmel mis-settur tat-trasport wieħed sostenibbli. “Dak li rajna f’Malta, partikolarment il-proġett tas-shore-to-ship, huwa investiment mhux biss fis-saħħa tan-nies li jgħixu madwar iż-żona tal-port, iżda anka fil-qasam marittimu, hekk kif tali proġetti huma neċessarji għall-futur,” stqarr il-Ministru Vafeades.

Il-Ministru Farrugia kien akkumpanjat mis-Segretarju Permanenti Godwin Mifsud.

Sport