Thursday, January 16, 2025

Malta u l-Italja fi djalogu għal kollaborazzjoni fuq l-Anzjanità Attiva

Aqra wkoll

F’Ruma, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, fuq stedina tal-Gvern Taljan ipparteċipa f’konferenza internazzjonali “Prevention, Active Ageing, and Positive Demography”. Dan l-avveniment ġabar flimkien esperti distinti fil-qasam tas-saħħa pubblika, l-anzjanità, u r-riċerka demografika biex jiddiskutu l-isfidi u l-opportunitajiet relatati mal-anzjanità attiva u l-miżuri ta’ prevenzjoni. Il-konferenza kellha l-għan li tesplora strateġiji li jistgħu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-anzjani filwaqt li tindirizza l-isfidi ta’ popolazzjoni li dejjem qed tikber fl-età.

Fost il-parteċipanti għal din il-konferenza kien hemm il-Ministru għas-Saħħa Taljan, Orazio Schillaci, is-Segretarju Parlamentari Taljan għall-Politiki tax-Xogħol u l-Politiki Soċjali, Maria Teresa Bellucci, kif ukoll riċerkaturi prominenti minn universitajiet Taljani u diversi stakeholders oħra.

Is-Segretarju Parlamentari Agius Galea tenna kif Malta qed tiffoka fuq is-servizzi tal-komunità bħall-CommCare, Meals on Wheels, u l-Carer at Home, li huma maħsuba biex jagħtu appoġġ lil anzjani li jibqgħu jgħixu fil-kumdità ta’ djarhom. Spjega wkoll kif fil-kuntest lokali, għalkemm l-Ingliż huwa lingwa uffiċjali, ħafna anzjani jħossuhom aktar siguri u komdi meta jirċievu servizzi bil-Malti, aspett li jsaħħaħ ir-relazzjoni bejn il-persuni li jipprovdu s-servizzi u dawk li jirċevuhom. Għaldaqstant spjega kif qed isir taħriġ ta’ Malti bażiku lill-professjonisti u ħaddiema barranin li jagħtu servizzi lill-anzjani.

Matul iż-żjara tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Agius Galea kellu wkoll laqgħa bilaterali mas-Segretarju Parlamentari Taljan għall-Politiki tax-Xogħol u l-Politiki Soċjali, Maria Teresa Bellucci, fejn ġew diskussi temi kruċjali relatati mal-Anzjanità Attiva u s-sitwazzjoni demografika taż-żewġ pajjiżi. Il-laqgħa serviet biex jiġu esplorati modi ta’ kollaborazzjoni futura, b’enfasi fuq l-iskambju ta’ ħaddiema għall-ħsieb u t-taħriġ f’sistemi differenti. Id-diskussjonijiet iffukaw ukoll fuq inizjattivi ta’ riċerka mmirati biex isaħħu l-għarfien u l-ippjanar dwar il-ħtiġijiet tal-anzjani. B’riżultat ta’ dan, ġiet proposta kollaborazzjoni konkreta fejn Malta u l-Italja jistgħu jaħdmu flimkien billi jikkapitalizzaw fuq id-data estensiva u r-riżorsi li l-Italja diġà għandha f’dan il-qasam.

Dawn it-taħditiet servew bħala pjattaforma biex jiġu esplorati prattiċi effettivi u mudelli differenti li qed jiġu implimentati fl-Italja, li għandhom rwol importanti biex jiffaċċjaw l-isfidi ta’ popolazzjoni li dejjem qed tikber fl-età.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport