Mill-2023 sa Ġunju 2024, Malta rat investiment sinifikanti u interess pubbliku fis-sistemi tal-enerġija rinnovabbli. Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) rċieva aktar minn 65 offerta għall-installazzjonijiet tal-enerġija fuq skala medja sa ikbar. Dawn il-proposti għandhom kapaċità totali potenzjali ta’ aktar minn 97,700 kW, li hija ekwivalenti għal biżżejjed enerġija għal 35,600 dar jew tnaqqis ta’ 60,000 tunellata ta’ CO2.
Waqt konferenza organizzata mir-REWS, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija, u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli, tenniet l-impenn ta’ Malta li tinvesti bis-sħiħ fl-enerġija rinnovabbli. “L-għan tagħna huwa li nżidu l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, bħall-enerġija mix-xemx u mir-riħ, bil-għan li sal-2030 niġġeneraw 25% tal-enerġija ta’ Malta minn sorsi rinnovabbli. Fl-aħħar 10 snin (2013 – 2023) Malta investiet aktar minn €310 miljun. Billi ninvestu fl-enerġija rinnovabbli, aħna mhux biss qed naħdmu lejn is-sostenibbiltà iżda wkoll nieħdu passi konkreti fil-pjan ta’ azzjoni tagħna dwar il-klima,” qalet il-Ministru Dalli.
Hija fakkret li din is-sena, ir-REWS se toħroġ erba’ sejħiet għal proposti ta’ proġetti tal-enerġija, bi tnejn diġà ġew imnedija f’April u Ġunju, u t-tnejn li fadal huma skedati għal Awwissu u Novembru. Il-Ministru Dalli enfasizzat id-dedikazzjoni tal-gvern biex jagħti spinta lill-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija nadifa madwar Malta u Għawdex b’ħidma mill-qrib mas-settur privat biex jintlaħqu l-miri ta’ Malta ta’ sostenibbiltà u dekarbonizzazzjoni.
Il-Kap Eżekuttiv tar-REWS, l-Inġ. Marjohn Abela, esprima sodisfazzjon għar-rispons pożittiv mir-residenti Maltin u Għawdxin. Huwa enfasizza s-suċċess ta’ inizjattivi li jappoġġjaw l-installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajċi u batteriji fid-djar residenzjali. L-applikazzjonijiet fetħu fi Frar u l-fondi ġew allokati kollha sa Ġunju, u dan wassal għal żieda fil-baġit minn €5 miljun għal kważi €10 miljun biex jakkomodaw aktar applikanti.
L-Inġ. Abela rrapporta wkoll kif ir-REWS irċeviet 351 applikazzjoni għal batteriji fl-2023 u 1,178 sa nofs Lulju ta’ din is-sena. Huwa afferma mill-ġdid l-impenn tar-REWS li tkompli tibni fuq is-suċċessi tal-passat u tkompli tamministra dawn l-iskemi biex tiffaċilita t-tranżizzjoni ta’ Malta għal ambjent aktar nadif.