Monday, April 29, 2024

Maltco Lotteries b’għotja oħra ta’ €50,000 lill-RGF

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Maltco Lotteries, Operatur tal-Lotterija Nazzjonali u sussidjarja tal-kumpanija INTRALOT, affermat mill-ġdid l-impenn u l-appoġġ favur il-Logħob Responsabbli billi ppreżentat kontribuzzjoni oħra ta’ €50,000 lill-Fondazzjoni Logħob Responsabbli, biex tmur lejn inizjattivi li jsostnu logħob responsabbli f’Malta. L-aħbar ta’ din id-donazzjoni saret bħala parti mill-programm annwali ta’ CSR tal-kumpanija, filwaqt li tnediet il-kampanja tal-Logħob Responsabbli tal-2021 “Balance is the Name of the Game – Play Responsibly”. 

Waqt il-konferenza stampa, li saret fl-uffiċini ta’ Maltco fl-Iklin, l-Operatur tal-Lotterija Nazzjonali ħabbar il-kontribuzzjoni lill-Fondazzjoni Logħob Responsabbli, li giet ikkonfermata aktar kmieni dan ix-xahar. Il-kontribuzzjoni tħabbret fil-preżenza tal-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija l-Onor. Silvio Schembri, li kien preżenti f’isem il-Gvern. Minkejja ż-żminijiet ta’ sfida kkawżati mill-pandemija COVID-19, Maltco Lotteries baqgħet impenjata li tippromwovi, tfassal u tpoġġi fil-prattika prinċipji ta’ logħob responsabbli b’mod attiv, filwaqt li tiġi protetta l-benesseri personali tal-ġukaturi. 

Vasileios Kasiotakis, il-Kap Eżekuttiv ta’ Maltco Lotteries tenna li huwa l-għan tal-kumpanija li tiżgura li l-ġukaturi tagħha jkunu qed jiddevertu lilhom infushom b’mod responsabbli. “L-impenn tagħna hu li nipprovdu lill-ġukaturi divertiment responsabbli li jinkludi bosta logħob divertenti u avvanzati, iddisinjati speċifikament fuq prinċipji ta’ logħob responsabbli. Barra minn hekk, l-aġenti tagħna qed jirċievu taħriġ minn żmien għal żmien biex jiddedikaw kull sforz meħtieġ, kuljum, fi sforz kontinwu biex jipproteġu lill-ġukaturi minn kwalunkwè problemi ta’ logħob u jidderiġuhom kif xieraq għal esperjenza ta’ logħob sigur u divertenti”. Hekk ikkonkluda l-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija, filwaqt li esprima l-gratitudni tiegħu lejn l-aġenti u l-partijiet interessati (stakeholders) għax-xogħol kontinwu u l-kontribut tagħhom lejn il-kumpanija”.

Fuq bażi annwali, minbarra l-kontribuzzjoni ta’ kull sena lejn Logħob Responsabbli, Maltco Lotteries tagħti somma kbira ta’ flus lill-Fond għall-Kawżi Ġusti (Good Causes Fund). Fl-2020 il-kumpanija tat total ta’ €573,920, minn premji mhux miġbura. Dawn il-kontribuzzjonijiet jintużaw biex jgħinu u jappoġġjaw diversi entitajiet fi ħdan is-Soċjetà Maltija.

Preżenti għall-konferenza stampa kien hemm rappreżentanti oħrajn ta’ Maltco u l-Fondazzjoni Logħob Responsabbli flimkien ma’ stakeholders importanti fl-industrija tal-logħob.

Sport