Sunday, May 5, 2024

Maltemp qawwi fl-Ewropa wassal għall-mewta traġika ta’ mill-inqas 12-il persuna fosthom tlett itfal

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Maltemp qawwi li seħħ f’inħawi ċentrali u fin-Nofsinhar tal-Ewropa wassal għall-mewta traġika ta’ mill-inqas 12-il persuna u fost dawn il-vittmi hemm tlett itfal. L-imwiet, l-aktar ikkawżati minn siġar li waqa’ bil-maltemp, seħħu fl-Italja u fl-Awstrija kif ukoll fil-gżira ta’ Corsicia, fi Franza.

Ix-xita u r-riħ qawwi kissru siti ta’ champing fuq il-gżira Franċiża mentri f’Venezja, fl-Italja, waqa’ ġebel mill-bażilika ta’ San Mark. Dan il-maltemp li qiegħed jolqot lill-kontinent tagħna qiegħed iseħħ wara ġimgħat sħaħ ta’ mewġ ta’ sħana akkumpanjat minn nixfa qawwija.

F’Corsicia l-qawwa tar-riħ laħqet il-veloċità ta’ 224 kilometri s-siegħa b’konsegwenza li nqalgħu ħafna siġar mill-għeruq u ħafna djar sofrew ħsarat strutturali kbar. L-awtoritajiet qalu li tifla ta’ 13-il sena nqatlet b’waħda mis-siġar li nqalgħu minn posthom. Il-vitma kienet f’sit ta’ champing meta seħħ dan l-inċident fatali.

Raġel ta’ 46 sena miet f’inċident simili u mara li kellha fuq is-70 sena tilfet ħajjitha meta l-karozza li kienet fiha ntlaqtet minn saqaf tal-għarix. Żewġ persuni oħra – sajjied ta’ 62 sena u mara ta’ 60 sena li kienet qiegħda tagħmel attività sportiva tal-baħar (kayaking) mietu fil-baħar.

“Qatt ma esperjenzajna maltemp qawwi daqs dan!”

Il-Ministru tal-Intern, Gèrald Darmanin li mar personalment f’Corsica l-Ħamis li għadda, qal li kien hemm 20 persuni feruti, erba’ minnhom serjament. Fl-istess jum, madwar 13,000 persuna ġew evakwati minn siti tal-champing u ntbagħtu f’binjiet pubbliċi minħabba li huwa mistenni li l-maltemp ikompli jikkawża ħsarat u perikli. 

Riċentement, maltemp estrem sar aktar frekwenti minħabba l-bidla fil-klima. Persuni li nqabdu f’dan il-maltemp qalu lill-mezzi tax-xandir li kollox seħħ f’daqqa waħda. F’intervista mar-Reuters, Cedric Boell li għandu ristorant fl-inħawi milquta qal li, “qatt ma esperjenzajna maltemp qawwi daqs dan! Taħsbek f’nofs maltempata tropikali’.

Fi Franza xi nħawi fin-Nofsinhar tal-pajjiż kellhom ħsarat u konsegwentement qtugħ fil-provvista tal-elettriku. Barra minnhekk, it-toroq kienu mgħarrqa sew b’mod speċjali fit-tieni l-akbar belt tal-pajjiż – Marseille.

Fl-Awstrija żewġt ibniet bl-etajiet ta’ erba’ u tmien snin inqatlu wara li waqgħet siġra fuqhom. Dawn il-fatalitajiet seħħu f’Carinthia. Aktar tard fi provinċja fin-Nofsinhar tal-Awstrija tliet nisa oħra ġew irrapportati mejta minħabba ġrieħi serji kkawżati minn daqqa ta’ siġar li waqgħu. Uffiċjali lokali ħabbru li 13-il persuna sofrew ġrieħi, fosthom ħamest itfal.

Is-Sindku tad-distrett ta’ Wolfsberg fejn iż-żewġt ibniet tilfu ħajjithom, Hannes Primus, qal li ż-żona spiċċat qisha ntlaqtgħet minn gwerra. 

Il-kontinent Ewropew mifni bi sħanat, nifxa u maltemp qawwi

Sadanittant fir-reġjun Taljan ta’ Toskana, mara u raġel mietu f’inċidenti separati kawża ta’ siġar imwaqqa’. Aktar ‘l isfel tal-pajjiż, il-mewġ ta’ sħana komplew tant li fi Sqallija t-temperaturi telgħu għal 40 grad celcius. Il-problemi mal-kosta Mediterranja qegħdin jespandu hekk kif fl-Alġerija 38 persuna ġew irrapportati mejta f’nirien kawża tas-sħana li qegħdin nesperjenzaw. 

Ħafna partijiet fl-Ewropa f’dawn il-ġimgħat qegħdin jesperjenzaw temp sħun ħafna u nixfa. Dan it-temp estrem skont ix-xjenzati huwa kawża ta’ bidla fil-klima li ġab b’idejh stess il-bniedem. Minn mindu bdiet l-era industrijali, it-temperatura globali żdiedet b’madwar 1.1 gradi celcius u din mistennija tkompli tiżdied jekk il-gvernijiet mhumiex se jdaħħlu fis-seħħ aktar miżuri effiċjenti biex jikkontrollaw l-emmissjonijiet li qegħdin jagħmlu tant ħsara lill-ambjent.

Sport