Manchester City ġew akkużati mill- Football Association li naqsu milli jikkontrollaw lill-players tagħhom fid-draw 3-3 tal-Ħadd li għadda fil-Premier League kontra Tottenham.
Il-players dawru lir-referee, Simon Hooper, meta ta free-kick lis-City tard fil-ħin miżjud wara li deher li Jack Grealish kien riesaq lejn il-lasti avversarji.
Inizjalment Hooper indika li s-City kellhom il-vantaġġ u xejjer biex jitkompla l-logħob, iżda waqqaf il-partita ladarba ntlagħab il-pass.
Is-City għandhom sa għada, 7 ta’ Diċembru, biex iwieġbu għall-akkuża.
Stqarrija tal-FA qalet li ċ-champions renjanti “naqsu milli jiżguraw li l-players tagħhom ma jaġixxux b’mod mhux xieraq.”
L-attakkant Erling Haaland kien wieħed minn diversi players tas-City li pprotesta b’mod rigoruż mal-uffiċjal u kompla bil-protesti tiegħu wara l-logħba billi reġa’ poġġa clip tal-inċident fuq X, li qabel kien Twitter, bil-kumment “Wtf”, li huwa kliem offensiv.
Madankollu, l-FA mhux se tkun qed tqassam akkużi oħra relatati mal-partita, u għalhekk Haaland mhux qed jiffaċċja piena individwali.
Din hija t-tielet logħba tal-Premier League wara xulxin li s-City spiċċaw draw, wara li ġew miżmuma wkoll minn Liverpool u Chelsea, u jinsabu fit-tielet post fil-Premier League b’distakk ta’ tliet punti mil-leaders Arsenal.