Sunday, December 22, 2024

Manifest ibbażat fuq Malta l-ewwel

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’attività politika fis-Siġġiewi, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela nieda l-manifest elettorali tal-Partit Laburista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Manifest li jinkludi fih 10 prinċipji ta’ kif jemmnu li l-Ewropa għandha tifforma l-istrateġija tagħha għall-5 snin li ġejjin, x’inhuma l-prijoritajiet għal pajjiżna fi ħdan l-UE u x’inhuma dawk il-prijoritajiet li pajjiżna, bħala wieħed mis-27 stat membru tal-UE, irid jimbotta ‘l quddiem anke meħud kont ir-realtajiet partikolari ta’ pajjiżna.

Il-Prim Ministru beda biex qal li biex tkun tista’ titkellem dwar il-prijoritajiet irid ikollok prinċipju ewlieni li jkun il-kappa ta’ kollox – dak ta’ Malta l-ewwel u qabel kollox. Dan imur lil hinn minn slogan politiku. “Dan hu prinċipju ta’ twemmin għax jekk int il-prijorità tkun l-avvanz personali jew x’kariga se taħtaf fi Brussell, qatt ma jistgħu jkunu l-ewwel il-prijoritajiet ta’ pajjiżek għalik. Aħna ċari. Għalina l-ewwel huma l-interessi tal-Għawdxin u tal-Maltin kollha,” qal Dr Abela. 

Għalhekk l-ewwel punt tal-manifest huwa dwar “Malta l-ewwel, sodi ma’ dak li nemmnu fih”. Dan b’mod partikolari dwar il-ħidma favur Ewropa li tħares lejn il-ġustizzja soċjali, Ewropa li tkun dejjem aktar solidali iżda dejjem bl-interessi ta’ pajjiżna fuq quddiem nett. Il-Membri Parlamentari Ewropej f’isem il-PL se jimxu fuq dan il-prinċipju.

It-tieni prinċipju huwa dak ta’ “Malta: Leħen il-Paċi”. Kif spjega l-Prim Ministru, Malta kienet, għadha u ser tibqa’ promotur ewlieni tal-paċi fl-Ewropa, u f’kull rokna tad-dinja. “Dan nippromovuh b’saħħitna kollha kullimkien, inkluż fil-Parlament Ewropew u fl-istituzzjonijiet kollha Ewropej.”

Il-MPE f’isem il-PL se jaħdm sabiex bl-ebda mod l-Ewropa li nagħmlu parti minnha ma tkun aġent tal-kunflitti u l-gwerer, iżda tkun pont ta’ paċi u djalogu għall-benefiċċju tal-popli kollha madwar id-dinja.

It-tielet prinċipju fil-manifest jitkellem dwar kif l-Ewroparlamentari Laburisti għandhom jaħdmu favur il-kompetittività ta’ pajjiżna f’suq waħdieni ġust, u jaċċertaw li l-wegħda li titnaqqas il-burokrazija b’mod sostanzjali tiġi implimentata biex l-għajnuniet tal-UE jkunu aċċessibbli aktar faċilment.

Prinċipju ieħor tal-manifest huwa dwar it-tibdil fil-klima, sfida globali li trid tissarraf f’opportunità. Għalhekk hi meħtieġa politika li tkun imfasslaa b’għaqal u b’reqqa fuq livell Ewropew. Politika li tkun realistika u adattata għar-realtajiet ta’ kull stat membru 

Il-ħames prinċipju huwa dak tal-immigrazzjoni, bil-PL jemmen fid-drittijiet fundamentali tal-bniedem u fil-protezzjoni umanitarja li għandha tingħata lil dawk li ħaqqhom. Fil-manifest jingħad li; “Permezz ta’ tisħiħ tal-għodod legali u diplomatiċi, naħdmu sabiex l-immigranti li ma jkollhomx dritt jibqgħu fl-Unjoni Ewropea, jintbagħtu lura lejn il-pajjiż tal-oriġinu tagħhom. Għandu jkun hemm aktar inċentivi li jattiraw ħaddiema kwalifikati lejn l-Unjoni Ewropea, b’rispett sħiħ lejn skemi nazzjonali li jħaddem pajjiżna diġà.”

Is-sitt prinċipju jirrigwardja l-konnettività b’saħħitha li hija ċ-ċavetta għall-ħolqien tal-ġid u t-tkabbir ekonomiku. Hawn il-manifest jitkellem favur ħidma li tassigura l-interessi ta’ gżejjer żgħar bħal Malta. 

Għawdex bħala gżira ta’ villaġġi huwa s-seba’ prinċipju, bil-MPE Laburisti se jaħdmu b’mod li jisfruttaw il-vantaġġi distinti li gżira bħal Għawdex jista’ jkollha. It-tmien prinċipju elenkat fil-manifest huwa dwar il-kisba ta’ fondi Ewropej.

Il-Prim Ministru Robert Abela kien innegozja allokazzjoni rekord ta’ fondi Ewropej għall-perjodu 2021-2027, li ser twassal biex isiru investimenti li jikkumplimentaw dawk li saru minn baġits passati u minn fondi nazzjonali. “Il-MPE f’isem il-PL se jkunu parteċipi f’kull diskussjoni dwar fondi Ewropej biex jaraw li nisfruttaw bl-aħjar mod possibbli l-potenzjal ta’ pajjiżna f’dak li għandu x’jaqsam mal-allokazzjonijiet, l-aċċessibbiltà u l-użu ta’ fondi Ewropej.”

Id-disa’ prinċipju jinkorpora fih is-setturi tal-agrikoltura u s-sajd. Intqal li “Gvern Laburista kien spalla ma’ spalla mal-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda fl-isfidi li iffaċċjaw minħabba fatturi internazzjonali. Minkejja dan, kellna stejjer ta’ suċċess fil-biedja u s-sajd li servew ta’ mudell għal operaturi oħra.”

Flimkien mal-Gvern Malti, il-MPE Laburisti ser jaħdmu mill-qrib mal-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda Maltin biex ikollna suq li jgħinhom ikunu kompetittivi billi jittaffew il-piżijiet amministrattivi, u jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi u ġusti għall-Ewropej.

Fl-aħħar nett, l-għaxar prinċipju jitkellem dwar l-Unjoni Ewropea ta’ Għada. Fil-leġiżlatura li jmiss huwa mistenni li d-diskussjoni ser tkompli tiżvolġi b’għadd ta’ deċiżjonijiet sensittivi li jridu jittieħdu dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea.

Bħala l-iżgħar pajjiż tal-Unjoni Ewropea, pajjiżna għandu realtà unika li tirrikjedi ħidma koordinata li timxi id f’id mal-isforzi tal-Gvern sabiex nassiguraw li pajjiżna jkollu l-aqwa riżultati minn dan l-eżerċizzju.

“Nemmnu li hekk kif l-Unjoni Ewropea qed tkompli tevolvi u tintegra, iż-żamma ta’ diviżjoni ċara tal-kompetenzi hija vitali biex jitħarsu l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Ma nemmnux li għandu jipprevali l-prinċipju tal-one-size-fits-all. It-tkabbir tal-Unjoni Ewropea huwa suġġett li qed ikun diskuss b’mod intensiv wara l-aggressjoni Russa fuq l-Ukrajna. Filwaqt li nemmnu bis-sħiħ li l-Unjoni Ewropea għandha tibqa’ impenjata f’diskussjonijiet ma’ dawn il-pajjiżi, dan il-proċess għandu jkun wieħed li jħares lejn il-merti ta’ dawn il-pajjiżi u l-kwalità tar-riformi li qed jimplimentaw.

“Il-Membri Parlamentari Ewropej f’isem il-Partit Laburista ser ikunu fuq quddiem biex jiġu promossi diskussjonijiet ma’ sħab strateġiċi oħra lil hinn mill-Unjoni Ewropea. Nemmnu li dan huwa ta’ benefiċċju dirett għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u biex jiġu indirizzati temi bħall-kummerċ, l-immigrazzjoni u t-tibdil fil-klima fost l-oħrajn,” jintqal fil-manifest.

Ekonomija

Sport