Mara barranija li taħdem f’ħanut tal-massaġġi rrakkontat fil-Qorti kif sfat stuprata minn raġel li allegatament sforza ruħu għal fuqha u kien ukoll rabatha qabel wettaq ir-reat.
Il-mara, li isimha mhux qed jixxandar fuq ordni tal-Qorti, tat ix-xhieda tagħha permezz ta’ video conference, fil-kumpilazzjoni kontra Harona Conateh ta’ 32 sena mill-Gambja li jinsab mixli li stupra tliet nisa fi ħwienet tal-massaġġi differenti f’Tas-Sliema u Birkirkara.
Quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi, il-mara bdiet billi spjegat kif dan ir-raġel kien neħħielha l-ħwejjeġ li kienet liebsa u kienet minduda wiċċha ‘l fuq bi rkupptejh fuq sidirha.
Hija saħqet li huwa kien qabdilha jdejha u poġġihielha fuq il-parti privata tiegħu u staqsieha tistax tgħinu sabiex jimmasturba. Hija qaltlu li minħabba li allegatament kien għadu kif rabatha, ma setgħetx tagħmel hekk.
Għaldaqstant, kompliet tgħid il-vittma, huwa kien ħallha mill-irbit u wara qabdilha jdejha biex jimmasturba. Hija tgħid li huwa “ħassu kuntent” u mbagħad dawwarha wiċċha ‘l isfel u allegatament għamlilha ż-żejt tal-massaġġi mal-parti privata tagħha.
Ix-xhud kompliet tgħid li huwa allegatament stupraha u dan kollu seħħ f’temp ta’ minuta. Mistoqsija jekk ir-raġel kienx liebes xi kontraċettiv meta allegatament wettaq dan ir-reat, hija wieġbet li le.
Tgħid ukoll li wara li seħħ il-każ, dan ir-raġel qam bilwieqfa iżda waqgħetlu l-beritta. Huwa ġabarha minn mal-art u ħareġ ‘il barra. Il-vittma mbagħad sakkret il-bieb u libset xi ħwejjeġ fuqha. Meta ħarġet mill-ħanut biex tirrapporta dak li ġara lill-pulizija, irrealizzat li ma kinitx taf titkellem ħafna bl-Ingliż.
Kien għalhekk li marret lura fil-ħanut u ċemplet lil ħabib tagħha u talbitu jiġi fil-ħanut tal-massaġġi. Dak il-ħin qalet li kienet qiegħda tibki minħabba l-inċident u li ma tantx setgħet titkellem sew.
Xi nofsiegħa wara, ġie l-ħabib tagħha fil-ħanut u beda jistaqsieha x’kien ġralha. Huwa qalilha li kien ikun aħjar li jmorru l-isptar u wara għand il-pulizija. Meta marret għal check up mediku, ġie nnutat li kellha xi tbenġil f’rasha u anke weġġgħet fil-kustilji.
Tgħid li sarulha xi testijiet però kienet infurmata li se jkollha tistenna xi ġimgħat sakemm tirċievi r-riżultati tagħhom. Qalet ukoll li kienet mistoqsija mill-pulizija b’rabta ma’ dan l-inċident filwaqt li l-ħwejjeġ tagħha u xi oġġetti oħra fosthom iż-żejt tal-massaġġi kienu ttieħdu bħala evidenza.
Qabel bdiet is-seduta, il-Prosekuzzjoni ppreżentat akkużi ġodda fil-konfront tal-imputat wara li allegatament ipprova jaħrab qabel iddaħħal fl-awla għall-preżentata tiegħu l-ġimgħa li għaddiet. Huwa kien mixli wkoll li darab ħafif uffiċjal tal-pulizija.
Sadanittant, f’dik is-seduta kien ħareġ illi l-Pulizija kienu waslu għas-suspettat permezz ta’ informazzjoni li rċeviet u anke minn filmati tas-CCTV.
Il-każ ikompli.
Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Avukati Angele Vella u Nicholas De Gaetano mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Clayton Camilleri, Brian Xuereb u Wayne Buhagiar.