Mara ġarrbet ġrieħi serji wara li gidimha kelb il-baħar f’bajja f’Sydney.
Il-Pulizija ta’ New South Wales qalet li s-servizzi tal-emerġenza kienu msejħa sabiex jassistu f’Cooge Beach, is-Sibt filgħodu.
Il-mara, li għandha 35 sena, ittellgħet mill-baħar minn membri tal-pubbliku li kienu wkoll tawha l-ewwel għajnuna hekk kif sofriet minn ġrieħi serji f’dirgħajha u f’riġlejha.
Hija kienet ittieħdet l-isptar b’ħelikopter tal-emerġenza. Diversi bajjiet fiż-żona ngħalqu bħala prekawzjoni.
Nicola Logan, li kienet fuq il-post meta seħħ il-każ, qalet mal-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters li rat “għadira kbira ta’ demm” fl-ilma, imbagħad lemħet “mara tipprova tgħum b’mod iddisprat” u persuna oħra jipprova jdaħħalha lura lejn ix-xatt.
Dan il-każ isegwi dak tal-ġimgħa li għaddiet meta għaddas tilef ħajtu wara li safa attakkat minn kelb il-baħar suspettat li kien twil madwar 4.5 metri, fix-Xlokk ta’ Perth.
F’Mejju li għadda, missier ta’ żewġt itfal ukoll tilef ħajtu wara attakk ieħor minn kelb il-baħar qrib Perth.
L-attakki minn klieb il-baħar madwar l-Awstralja huma aktar komuni minn f’ħafna partijiet oħra tad-dinja, għalkemm ħafna drabi ma jkunux fatali.



