Il-gwerra mibnija mill-Istati Uniti u Iżrael kontra l-Iran daħlet fir-raba’ xahar tagħha. Kienet gwerra li kienu qalulna li kellha ddum ftit jiem. Illum qegħdin fir-raba’ xahar. U fil-kaos u l-inċertezza li din il-gwerra ġabet magħha fosthom il-mod kif ġie affettwat il-prezz taż-żejt u prodotti oħra, komplew dikjarazzjonijiet konfliġġenti bejn iż-żewġ naħat.
Proprju fl-aħħar sigħat, l-Iran insista li m’hemm l-ebda ftehim mal-Istati Uniti. Intqal dan minkejja li l-President Amerikan Donald Trump kien ħabbar ftit qabel li ntemm il-kunflitt fil-Lvant Nofsani. Trump kien iddikjara li l-iffirmar ta’ ftehim biex tintemm il-gwerra huwa “imminenti”, waqt li żied li aktarx li dan se jiġi ffirmat fl-Ewropa. L-Iran wieġeb li rapporti dwar ftehim huma spekulattivi u li għadu ma ġie ffinalizzat l-ebda ftehim.
Illum hu ċar ħafna aktar minn qatt qabel, li l-Istati Uniti żbaljat bil-kbir fil-kalkoli tagħha. Ħasbet li dan kien se jkun kunflitt qasir u li fi żmien qasir ir-reġim Iranian kien se jiġi għarkobbtejh u jċedi. Ma ġara xejn minn dan.
Anzi rajna kritiika qawwija fl-Istati Uniti għal infieq li kien qiegħed ikun hemm biex jiġu sostnuti l-attakki fuq l-Iran. L-attakki mill-Istati Uniti u l-Iżrael ma ġabitx ir-reġim f’Tehran, li huwa skreditat b’mod wiesa’, għarkupptejh. Għall-kuntrarju, tat lir-reġim saħħa ġdida billi ppermettiet l-imblokk tal-Istrett ta’ Hormuz – mira partikolarment prevedibbli. Rajna li l-mod kif l-Iran beda jhedded li jattakka l-bastimenti li jgħaddu mil-Istrett wassal għal pressjoni kbira f’ħafna pajjiżi b’mod partikolari fejn tidħol ċertu materja prima.
L-attakki u l-mod kif l-Iran għalaq l-Istrett ta’ Hormuż, wasslu biex il-kredibbiltà tal-Presidenza Amerikana nnifisha kienet qiegħda tiġi mminata, Din it-theddida għall-kredibilità kienet ġejja minn gwerra li bdiet l-istess Stati Uniti. .
Fl-aħħar jiem rajna attakki ġodda. L-Iran u l-Iżrael jerġgħu jattakkaw lil xulxin. Kien attakki li wrew il-limitazzjonijiet fl-influwenza tal-Istati Uniti. L-attakki saru minkejja it-twissijiet mill-President tal-Istati Uniti.
Dan hu kunflitt li fih jispikka l-falliment ta’ Trump u l-politika Amerikana. Ħolqu kunflitt li sa issa għadu ma wassal imkien. Kunflitt li ħoloq kaos u inċertezzi kbar madwar id-dinja, inkluż fl-Istati Uniti stess.
Dan kien każ fejn il-politika Amerikana mexxiet il-messaġġ li kienet se tikseb ‘il-paċi permezz tas-saħħa’. Illum nafu li dan falla totalment.
L-istess kien hemm falliment fejn jidħol il-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukrajna.
Kemm smajna dikjarazzjoni minn Trump li jtemm il-gwerra fi żmien qasir. Minkejja relazzjoni speċjali bejn Trump u Vladimir Putin, fil-laqgħa li kienet saret f’Anchorage, Alaska, f’Awwissu tas-sena 2025, baqgħet ma’ tatx il-frott mixtieq.
U waqt Ii nassistu għal dawn il-fallimenti, il-kunflitti f’dawn iż-żoni għadhom għaddejjin. Kunflitti li qegħdin jaffettwaw b’mod negattiv lil ħafna pajjiżi u l-popli tagħhom. Meta se nitgħallmu li bil-gwerer hemm biss telliefa?



