Mara mixlija li feriet gravi raġel b’imqass waqt allegat attakk fil-Marsa

Aqra wkoll

Mara ta’ 42 sena tressqet il-Qorti l-Ġimgħa akkużata li feriet gravi raġel wara li allegatament attakkatu b’imqass waqt inċident li seħħ fil-Marsa.

Mona Ibrahim, imwielda l-Eritrea, ċaħdet it-tliet akkużi miġjuba kontriha b’rabta mal-inċident li allegatament seħħ fi Triq il-Marsa fis-sigħat bikrin tad-19 ta’ Novembru.

Il-vittma, identifikata bħala Oumar Bailo Diallo, ġarrbet ġrieħi li ġew iċċertifikati bħala gravi minn tabib.

Fil-Qorti nstema’ kif għall-ħabta tas-2am, l-Għassa tal-Pulizija tal-Ħamrun irċeviet telefonata li fiha ġie rrappurtat li Ibrahim allegatament kienet tat daqqa ta’ mqass lil raġel li kienet taf.

Żewġ uffiċjali tal-Pulizija ntbagħtu fuq il-post, fejn arrestaw lill-mara u infurmawha bid-drittijiet tagħha qabel ħaduha fil-lock-up tal-Pulizija.

L-għada tal-arrest, Ibrahim tat stqarrija lill-investigaturi dwar dak li kien seħħ.
Akkużata li kkaġunat ġrieħi gravi b’arma li taqta’
Skont l-akkużi mressqa kontriha, Ibrahim allegatament ikkaġunat ġrieħi gravi lil Diallo permezz ta’ arma jew strument li jaqta’ jew iniggeż, mingħajr l-intenzjoni li toqtlu jew tqiegħed ħajtu f’periklu ċar.

Il-ġrieħi li ġarrab ir-raġel ġew iċċertifikati bħala gravi mit-tabib Fabian Debono.

Il-mara ġiet akkużata wkoll li ħebbet għal Diallo bil-ħsieb li tinġurjah, iddejqu jew tagħmillu ħsara.

It-tielet akkuża tirrigwarda r-reċidiva, hekk kif il-Prosekuzzjoni sostniet li Ibrahim kienet diġà nstabet ħatja permezz ta’ sentenzi preċedenti tal-Qorti li saru definittivi.

Il-Prosekuzzjoni talbet ukoll lill-Qorti toħroġ ordni ta’ protezzjoni favur Diallo, filwaqt li talbet li, f’każ ta’ ħtija, l-akkużata tħallas l-ispejjeż marbuta mal-ħatra ta’ esperti.

Ibrahim wieġbet mhux ħatja għall-akkużi kollha miġjuba kontriha.

Waqt it-tressiq ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur James Zammit, assistit mill-avukata Krista Spiteri Lucas mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

L-akkużata kienet assistita minn avukat tal-għajnuna legali.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport