Żidiet fil-pagi u kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema ta’ Bare Sports permezz ta’ ftehim kollettiv ġdid mal-GWU

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union (GWU), permezz tat-Taqsima Metall u Kostruzzjoni, iffirmat Ftehim Kollettiv ġdid mal-kumpanija Bare Sports, li jkopri l-perjodu bejn l-2026 u l-2028. Permezz ta’ dan il-ftehim, il-ħaddiema se jibbenefikaw minn żidiet fil-pagi u titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.

Dan il-ftehim huwa riżultat tad-djalogu soċjali u tal-kollaborazzjoni bejn il-GWU u t-tmexxija tal-kumpanija, bil-għan li jkomplu jissaħħu d-drittijiet u l-interessi tal-ħaddiema, filwaqt li jiġu promossi relazzjonijiet industrijali tajbin u ambjent tax-xogħol aktar pożittiv.

Għan-naħa tal-GWU, il-ftehim ġie ffirmat minn Jesmond Marshall, Segretarju tat-Taqsima Metall u Kostruzzjoni, Ġorġ Zahra, Assistent Segretarju, u Annabelle Cordina, Shop Steward.

Għan-naħa tal-kumpanija Bare Sports, iffirmaw Dennis Stivala, General Manager, u Steven Bowd, Operations Manager.

Il-GWU tqis dan il-ftehim bħala pass pożittiv ieħor fil-ħidma tagħha sabiex, permezz tan-negozjar kollettiv, tkompli tikseb titjib konkret fil-pagi u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, filwaqt li ssaħħaħ ir-rappreżentanza u s-sigurtà tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol.

Il-GWU tibqa’ impenjata li taħdem favur ftehimiet kollettivi li jwasslu għal benefiċċji tanġibbli għall-ħaddiema, filwaqt li jsaħħu l-kollaborazzjoni u r-rispett reċiproku bejn il-ħaddiema u min iħaddem.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport