Friday, May 17, 2024

MESSAĠĠ GĦALINA U GĦAD-DINJA

Aqra wkoll

Iż-żjara fostna ta’ Papa Franġisku, kellha żewġ messaġġi. Messaġġi għalina l-Maltin u messaġġ għad-dinja. Fil-messaġġ tiegħu l-Papa Franġsiku ma qagħadx idur mal-kliem u tkellem dwar il-gwerra fl-Ukrajna. Għamel dikjarazzjoni qawwija, dik li l-gwerra kienet ilha ppjanata. Ma naqasx ukoll li jsemmi temi ambjentali u l-bżonn li nħarsu l-ambjent ta’ madwarna. Tkellem fuq il-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf b’riferenza ċar għall-abort. Ma naqasx li jħeġġeġ biex Malta tibda tħares il-ħajja sa mill-konċepiment tagħha.

Jitkellem fuq l-immigrazzjoni – li hi tema kurrnenti f’din iż-żjara tiegħu. Jiddikjara li xi pajjiżi ma jistgħux jitgħabbew bil-problema kollha tal-indifferenza tal-oħrajn! Jiddikjara wkoll li pajjiżi ċivili ma jistgħux, għall-interessi tagħhom, jagħmlu ftehim suspettuż u mtajjan ma’ nies ta’ qatgħa ħażina li lill-persuna jagħmluha lsira”. 

Il-Papa jgħidilna li l-Mediterran għandu bżonn responsabbiltà Ewropea komuni u maqbula biex isir mill-ġdid teatru ta’ solidarjetà u ma jkunx il-fruntiera ta’ nawfraġju traġiku ta’ ċiviltà. 

Jitkellem fuq l-umanità u jiddikjara li “l-umanità tiġi qabel kollox u tippremja kollox: dan jgħallmu dan il-pajjiż li l-istorja tiegħu gawdiet mill-miġja ddisprata tal-Appostlu nawfragu. Meta llum, fil-konfront ta’ dawk li jaqsmu l-Mediterran ifittxu s-salvazzjoni, jiddominaw il-biża’ u “n-narrattiva tal-invażjoni”, u l-għan ewlieni donnu jidher li hu t-tħaris tas-sigurtà proprja jiġri x’jiġri, ejjew ngħinu lil xulxin biex ma nħarsux lejn il-migrant bħala theddida u biex ma nċedux għat-tentazzjoni li nibnu pontijiet li jintrefgħu, jew ħitan. L-ieħor mhuwiex xi virus li għandna niddefendu ruħna minnu, imma persuna li għandna nilqgħuha, u “l-ideal Nisrani hu dejjem stedina biex negħlbu kull suspett ta’ fiduċja, il-biża’ li xi ħadd jinvadina, l-atteġġjamenti difensivi li d-dinja tal-lum timponi fuqna”. 

Papa Franġisku jgħidilna li “ma nħallux l-indifferenza titfi l-ħolma li ngħixu flimkien! Ċertament, li tilqa’ jġib tbatija u jitlob ċaħda.”

Nemmnu li dan il-messaġġ qawwi mill-Papa Franġisku, m’għandux jintesa issa li Franġisku telaq minn pajjiżna. Nemmnu li dan hu messaġġ li għandu jibqa’ jiġi mfakkar. Ikun ripetut. Faċli ninsew dan li qal u nerġgħu nirritoraw għan-narrattivi li konna qegħdin nisimgħu kontra l-immigranti. “Li belgħuna’. “Li ħaduna”. “Kull m’hawn tagħhom”. ‘Daqt ikeċċu lilna”.

Kliem u frażijiet negattivi li ma jwasslu imkien ħlief biex joħolqu tensjonijiet soċjali. Nemmnu li għandna nilqgħu lil dawn in-nies. Inħarrġuhom. Ngħinuhom u noffrulhom l-opportunitajiet għall-integrazzjoni. Ngħinuhom jaħdmu fostna u jikkontribwixxu. Nemmnu li f’dan pajjiżna m’għandux ikun hemm differenzi skont il-ġilda jew razza. Nemmnu li kulħadd hu indaqs.

Sport