Saturday, December 28, 2024

Messaġġ qawwi favur l-istima lejn l-uniformi u d-dixxiplina

Il-Parlament jibda jiddiskuti l-emendi għal pieni eħrex f’każ ta’ aggressjoni fuq pulizija u uffiċjali pubbliċi

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fil-Parlament bdew jiġu diskussi l-emendi li ressaq il-Gvern li se jwasslu għal pieni eħrex għal min iwettaq vjolenza fuq pulizija u uffiċjali pubbliċi. B’dawn l-emendi, filwaqt li tkun il-Qorti li tiddeċiedi l-kastig x’se jkun, fil-parametri tal-liġi, sentenza sospiża u libertà kkundizzjonata mhux se jkunu għażla.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri beda biex qal li dak li rajna ftit tal-ġimgħat ilu, kienet xi ħaġa li ġabet l-għadab ta’ kulħadd. Huwa saħaq li dak li ġara fil-Ħamrun u aktar riċenti f’Tas-Sliema, għalkemm mhumiex ir-regola, lanqas huma l-uniċi fl-aħħar snin.

Il-Ministru Camilleri spjega fid-dettall l-emendi proposti li tfasslu wara konsultazzjoni wiesgħa ma’ diversi persuni, fosthom l-unions li jirrappreżentaw il-pulizija u l-pulizija nfushom. Qal li b’dawn l-emendi qed jintbagħat messaġġ qawwi favur il-Forzi tal-Ordni, favur l-istima lejn l-uniformi u d-dixxiplina.

“Issa dan, u ħa nkun skjett bħalma dejjem inkun, ma jfissirx li m’għandniex sistemi biex jekk tinqala’ l-ħtieġa, l-awtoritajiet jinżammu accountable. Jeżistu l-istrutturi u saħħaħna l-istrutturi. Bħala parti mit-trasformazzjoni fil-Korp tal-Pulizija daqs kemm żidna d-drittijiet u r-riżorsi, żidna l-obbligi,” kompla jgħid il-Ministru Camilleri.

Min-naħa l-oħra, huwa tenna jgħid li ebda attakk fuq awtorità ma jista’ qatt ikun ġustifikat. Bħalma qatt ma jista’ jiġi ġġustifikat li jsiru allegazzjonijiet foloz fil-konfront ta’ ħaddiema li joħorġu jwettqu xogoħolhom. Bħalma qatt mhu aċċettabbli l-instigar ta’ tgħajjir u diżrispett fil-konfront tal-korp jew awtoritajiet oħra.

Il-Ministru Camilleri qal ukoll li jinsab kburi bil-Forzi tal-Ordni kollha, kburi bil-ħaddiema kolha fis-servizz pubbliku u li sakemm idum Ministru, se jaħdem biex ikompli jtejbilhom il-kundizzjonijiet tagħhom filwaqt li se jibqgħu jsibuh ta’ tarka għalihom.

Semma fost oħrajn li ddaħħlu l-body cams biex ikun hemm trasparenza, naqset il-vjolenza fuq il-pulizija u naqsu l-akkużi “vojta” fil-konfront tal-pulizija. “Fl-aħħar ftit snin il-vjolenza fuq il-pulizija naqset bi kważi 70%. U issa dak l-eżempju tal-body cams, hemm l-impenn li mmexxuh f’ħaddiema oħra, partikolarment fuq l-uffiċjali tal-LESA,” qal il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol.

Ekonomija

Sport