Kien bħal dan iż-żmien 60 sena ilu meta Frank Aquilina tat-Tulip Bar, li dan l-aħħar inġieb minn Napli wara li kien ħarab minn Malta, beda għaddej ġuri quddiem l-Imħallef J. Flores fuq diversi akkużi fosthom li ikkorrompa tifla ta’ 15-il sena u li ipprova jirrikatta lil Dr T Busuttil. Ma’ Frank Aquilina qed jgħaddu ġuri ukoll Yvonne Aquilina sive Vella u l-kuntistabbli Joacchino Caruana. Yvonne hi akkużata fost oħrajn li ipprokurat abort fuqha stess filwaqt li fost l-akkużi kontra Caruana hemm waħda li tgħid li kien kompliċi fir-rikatt.
Dr V Borg Costanzi beda jippreżenta l-każ tal-prosekuzzjoni wara li spjega l-prinċipji ġenerali tad-dmirijiet tal-ġurati.
Il-konklużjoni tat-tobba
Fuq l-abort hu qal li Yvonne jew ġibitu hi b’idejha jew qagħdet għall-mezzi użati minn ħaddieħor biex iġġib dan l-abort. “In-natura trid lill-mara ġġorr, tarbija meta din toħroġ tqila u ħadd m’għandu dritt jinterrompi din it-tqala”, qal Dr. V. Borg Costanzi. Hu kompla jgħid li ż-żewġ tobba nominati mill-Qorti waslu għal-konklużjoni li kien hemm abort.
Ir-rikatt
Fuq ir-rikatt Dr V. Borg Costanzi qal li “jekk inhu vera li kif qal Frank Aquilina li hu persważ li t-tabib Dr. T. Busuttil u l-majjistra Bongailas ikkaġunaw abort dan iżjed tah motiv li jirrikattahom u dan jgħinkom tifhmu, sinjuri ġurati, li sar rikatt”.
Fuq il-komplitiċità tal-kuntistabbli Caruana, Dr V. Borg Costanzi qal li l-akkużat suppost li bħala Pulizija kellu jimpedixxi li jsir ir-rikatt. Il-Prosekuzzjoni qed takkużah mhux li kien l-awtur tar-reat iżda li meta induna li se jsir reat imissu waqqfu. Hu qal li ma hemm ebda dubju li Caruana induna li se sir rikatt għax Aquilina uża kliem ‘this is business’ u filfatt Aquilina ħareġ revolver li bih spara għal ħdejn saqajn il-majjistra. Hu qal ukoll li fil-fatt Caruana kien ħa lill-Pulizija l-ieħor biex jiġbor revolver minn post f’Ħal Qormi juri li kien jaf li sar rikatt. “Għax dan ir-revolver kif ġie hemm?”, staqsa l-avukat Prosekutur. U jekk ħadu xi ħadd ieħor hemm, kif sar jaf Caruana li qiegħed hemm?”, reġa staqsa Dr V. Borg Costanzi.
Fuq l-akkuża ta’ kalunja, il-prosekuzzjoni qalet li Caruana għen lil Aquilina biex jagħmel din il-kalunja billi qabdu bit-telefon mal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija u b’hekk sar kompliċi.
L-arrest illegali
Fuq l-arrest illegali hu qal li Aquilina jsir ħati ta’ arrest illegali għax żamm arrestati sakemm ġew il-Pulizija billi heddidhom b’revolver, lit-tabib u lill-majjistra. Imbagħad il-prosekutur għadda biex jispjegalhom l-akkużi l-oħra li jgħidu li Frank Aquilina u Caruana kellhom arma tan-nar mingħajr liċenzja tal-Pulizija u li Aquilina saq karozza mingħajr liċenzja tal-Pulizija.
Korruzzjoni ta’ minorenni
Il-prosekuzzjoni għaddiet biex tispjega lill-ġurati l-għaxar kap ta’ l-akkuża li titratta l-korruzzjoni ta’ minorenni Il-Prosekutur qal li Aquilina kellu atti konjugali ma’ tifla ta’ 15-il sena.
Ix-xhieda
Dr. V. Borg Costanzi imbagħad għadda biex jibda jtella’ ix-xhieda. Wara li xehed is-Supretendent Pawlu Grech u Ganni Borg, telgħu jixhdu Tony, Joseph u John Bongailas, li jiġu it-tfal tal-majjistra Bongailas li kollha għarfu lil Frank Aquilina bħala l-bniedem li kien ġie ifittex lil ommhom id-dar.
Huma qalu ukoll li darba ġie Aquilina ifittex lil ommhom filgħodu u billi ma sabhiex hemm reġa’ mar filgħaxija u ħareġ ikellimha barra. Huma qalu li ġurnata wara dawn iż-żjajjar ommhom ċemplitilhom li ma kinitx sejra id-dar għal dak il-jum.
Inqrat ix-xhieda tal-kuntistabbli Caruana, liema xhieda hu kien taha fl-inkjesta. Caruana kien qal li fil-15 ta’ Lulju 1964, Frank Aquilina li jiġi r-raġel ta’ oħt il-mara ta’ Caruana kien mar għandu u qallu biex imur miegħu. Caruana daħal fid-dar ta’ Aquilina mill-bieb tal-bitħa u hemm sab lit-tabib Tancred Busuttil u l-majjistra Bongailas. Aquilina qallu li dawn għamlu abort fuq il-mara tiegħu, Yvonne. Caruana imbagħad ċempel lill-Pulizija u mar ukoll l-għassa tal-Pulizija tal-Gżira biex jirrapporta. Hu qal li ħa miegħu r-revolver li kellu Aquilina.
Dr Tancred Busuttil qal li l-majjjistra Bongailas kienet għarrfitu biex iżur pazjenta tagħha u hu mar fid-dar ta’ Frank Aquilina fejn hemm il-majjistra. Hu eżamina li Yvonne u ddeċieda li jeżaminaha taħt anesteżija wara nofsinhar ta’ dak inhar stess.
Wara nofsinhar it-Tabib Cuschieri ta’ l-anesteżija lil Yvonne u t-tabib Busuttil eżamina u ra li kien hemm xi korriment u għalhekk għamel operazzjoni ta’ laxkament. Meta tlestiet din l-operazzjoni Aquilina telaq ‘lbarra u t-tabib Busuttil, it-tabib Cuschieri u l-majjistra qagħdu jistennewh biex jitħallsu u jtuh xi pariri dwar il-kura ta’ mart. Wara ftit tal-ħin jistenna it-tabib Cuschieri telaq minħabba li kien okkupat.
Talabhom £500
Imbagħad daħal Aquilina u qallu ‘This is business – I want £500”. Hu żied jgħid li jekk ma jtihomlux kien se jirrapporta lill-Pulizija li t-tabib u l-majjistra għamlu abort fuq il-mara. Meta t-tabib staqsieh kienx jaf x’qiegħed jagħmel, Aquilina qal li dan kien ‘black mail’ u li l-Ingilterra ħadulu £4,000 b’dan il-mod.
Imbagħad Aquilina ħareġ revolver u heddidhom li jekk xi ħadd minnhom jipprova joħroġ mid-dar “I will do him”. Imbagħad daħal il-kuntistabbli Caruana. Il-majjistra Bengalas ipprovat taqbad it-telefonat meta Aquilina spara lejn saqajha.
Aquilina baqa’ insisti li jridu £500 u talab lit-tabib itih il-karozza minflok. Caruana imbagħad ċempel u ħareġ il-barra. Ftit ħin wara wasal is-surġent G. Bajada tas-CID u minnufih Aquilina beda jirrappurtal kif it-tabib u l-majjistra għamlu l-abort fuq martu Yvonne.
Meta l-ispettur ġibidlu l-attenzjoni li dan kien każ serju għax jew hemm każ ta’ abort jew każ ta’ rikatt, l-akkużat wieġbu li kull ma inqala kien minħabba Fredu missier il-mara għax dan ma riedx li Yvonne ikollha tfal. “Iżda jien għandi dritt ikolli tfal”, qal Frank Aquilina.
Stqarrija ta’ Yvonne iżda li hi ma ffirmatx kienet tgħid li hi indunat li sejra ssir omm. Hi ġiet mgħarrfa minn persuna li ma riditx issemmi li kien hemm ċerta majjistra Pawlina Bongailas minn Ħaż-Żabbar, li kienet tirranġalha biex twaqqaf it-tqala jekk hi titħallas £50. Għalhekk hi bagħtet lil żewġha għandha iżda billi ma riditx turiħ x’sejra tagħmel, għax hu kien ried li tibqa’ tqila, hi qaltlu li din sejra ssibilhom seftura, li tibda torqod magħhom. Hi kompliet tgħid li kull ma sar kien kollu bil-moħbi ta’ żewġha.
Fi tmiem il-ġuri, Frank Aquilina kien kundannat għal ħames snin ħabs wara li l-ġurati b’mod unanimu sabuħ ħati ta’ diversi akkużi, fsothom li kkorrompa tifla ta’ 15-il sena u li pprova jirrikatta lit-tabib Busuttil. Il-kuntistabbli Joacchino Caruana ġie kkundannat gġal 13-il xahar ħabs. Yvonne Aquilina kienet ġiet illiberata.