“Meta tisma’ tkun tista’ tippjana u taġixxi aħjar” – Il-Ministru Glenn Bedingfield fuq l-inizjattiva Irrid Nisma’

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Glenn Bedingfield nieda inizjattiva ġdida bl-isem Irrid Nisma’, li permezz tagħha qed jagħti l-opportunità lir-residenti jiltaqgħu miegħu personalment sabiex jaqsmu miegħu t-tħassib, il-proposti u l-ideat tagħhom dwar il-lokalità fuq temi ta’ sigurtà.

L-ewwel sessjoni ta’ din l-inizjattiva saret f’Tas-Sliema, fejn numru ta’ residenti u rappreżentati ta’ għaqdiet tar-residenti ħadu l-opportunità li jkollhom laqgħa individwali mal-Ministru. Ħafna mid-diskussjonijiet iffukaw fuq l-infurzar tal-liġi u l-buonordni.

Ta’ min jinnota li l-proġett tal-Pulizija fil-Komunità ntlaqa’ tajjeb u l-Ministru sostna li se jkomplu jibnu fuqu. Il-Ministru Glenn Bedingfield sostna li “din l-inizjattiva twieldet mill-konvinzjoni tiegħi li l-aqwa politika hija dik mibnija fuq dak li għandhom x’jgħidu n-nies. Kelli diskussjoni franka ma’ ħafna residenti. Meta tisma’ tkun tista’ tippjana aħjar u taġixxi biex ittejjeb l-operat.”

Qabel ma beda jiltaqa’ mar-residenti, il-Ministru ltaqa wkoll mas-Sindku ta’ Tas-Sliema, John Pillow. Il-Ministru Bedingfield qal li qed jitħejja rapport li se jkun qed jiġi diskuss internament mal-Kunsill Lokali. Ir-residenti li attendew laqgħu b’mod pożittiv din l-inizjattiva fejn setgħu jiddiskutu l-kwistjonijiet tagħhom direttament mal-Ministru.

Il-Ministru Bedingfield irringrazzja lil dawk kollha li pparteċipaw u qal li l-kontribut tagħhom huwa essenzjali biex il-politika tkun aktar qrib ir-realtajiet tan-nies. L-inizjattiva Irrid Nisma’ se tkompli matul il-ġimgħat u xhur li ġejjin f’lokalitajiet oħra madwar il-pajjiż, bil-għan li aktar residenti jkollhom l-opportunità jiltaqgħu mal-Ministru u jwasslu l-fehmiet tagħhom direttament.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport