ĠURI YORGEN FENECH: Dettalji dwar it-tiftix f’Kastilja u l-Mellieħa

Aqra wkoll

Is-seduta fil-Ġuri kontra Yorgen Fenech tinsab f’waqfien wara sessjoni ta’ filgħodu fil-Qorti quddiem l-Imħallef Edwina Grima, li kienet karatterizzata minn xhieda dettaljata dwar tiftix f’djar u uffiċċji, analiżi forensika minn uffiċjali tal-Europol, kif ukoll xhieda kkunfidata bil-bieb magħluq.

L-uffiċjal tax-xena tal-kriminalità Michelle Camilleri spjegat li fit-26 ta’ Novembru 2019 marru jagħmlu tiftix f’id-dar ta’ Keith Schembri f’Santa Marija Estate, il-Mellieħa. Preżenti kien hemm Schembri stess, l-eks mara tiegħu, wieħed minn uliedu u Neville Gafà. Camilleri kkonfermat li l-Assistent Kummissarju Keith Arnaud kien jagħmel struzzjonijiet ċari lill-uffiċjali biex jiġbru biss dawk l-oġġetti elettronici li kienu se jiġu indikati lilhom minn Schembri stess.

Matul il-kontro-eżami mill-avukat Giannella De Marco, l-uffiċjal ammettiet li t-tiftix kien wieħed mhux tas-soltu, l-uffiċjali marru b’vannijiet incognito, il-kulleġġi kellhom iċemplu lura lil Arnaud minħabba konfużjoni, u l-avukati ta’ Schembri kienu preżenti. Meta t-tiftix wera ritratti b’mowbajls evidenti fuq mejsa li ma tteħdux, l-uffiċjal wieġbet li ma elevawhomx għax “ma kinux indikati lilhom minn Schembri”. L-apparat li ttieħed kien jinkludi żewġ laptops tat-tfal, iPad minn fuq il-komodina, laptop Dell antik u tablet Asus li ma kienx jaħdem mingħajr iċ-ċarġer.

L-Assistent Reġistratur tal-Qorti, Stephania Calafato Testa, xhedet dwar pen-drive encrypted li waslet f’Malta fl-2021 mingħand prosekutur Taljan permezz ta’ EUROJUST.Fuq mistoqsijiet mid-difiża, intqara d-dokument fejn in-nota u t-traskrizzjoni bit-Taljan kienu jsemmu li n-negozjant Alex Azzopardi allegatament ħallas €35,000 permezz ta’ Mario Fava biex jinbeda l-proċess tal-qtil ta’ Caruana Galizia, u li allegatament tħallsu €4 miljun oħra biex jitwettaq l-assassinju. Is-smigħ s’issa għadu ma stabbilixxiex sa fejn din il-linja ġiet investigata mill-pulizija Maltija.

L-esperti forensiċi diġitali tal-Europol, Constantinos Petrou u Israel Cordillo Torres, taw dettalji dwar tiftix b’rabta ma’ “Operation Blue Elephant Malta” li sar f’uffiċċji u kmamar tal-laqgħat fil-Portomaso Business Tower. Rigward mowbajls li nstab f’Portomaso u li rriżulta li kien ritornat għas-factory settings, il-ġurati staqsew jekk hemmx teknoloġija li tista’ tikkonferma jekk kienx hemm data fuqu qabel.

Hawnhekk l-Imħallef Grima interveniet u spjegat li l-Qorti trid taħdem u timxi fuq il-provi li għandha f’idejha llum, filwaqt li l-espert ikkonferma li huwa possibbli li kien hemm data qabel iżda m’hemmx mod tekniku kif dan jiġi pprovat b’ċertezza.
Il-Qorti semgħet ukoll ix-xhieda tal-Kap tas-Servizzi ta’ Sigurtà ta’ Malta (MSS), li xhed b’mod konfidenzjali wara bieb magħluq.
Is-seduta mistennija tkompli wara l-waqfien tal-Qorti.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport