Saturday, December 21, 2024

MHUX GĦAX MALTI NFAĦĦREK JIEN

Aqra wkoll

Ftit tal-ġimgħat ilu imprenditur Sqalli kiteb fuq facebook dwar kif Malta, gżira ferm iżgħar minn tiegħu, kapaċi jkollha ekonomija tant b’saħħitha. 

Fil-post tiegħu kompla jfaħħar is-sbuħija ta’ pajjiżna u kemm din gżirietna hija mżewwqa bi storja ħafna akbar mid-daqs tagħha. Xejn inqas ovvjament minn art twelidu li madankollu minkejja l-kobor tal-istorja u t-territorju vast sfortunatament mhux għaddejja mill-istess andament ekonomiku. 

Ngħid għalija, insibha diffiċli li ma nħossnix kburi b’kummenti bħal dawn, partikolarment meta jiġu mingħand barranin sħabna. 

Waqt li kont qed naqra dan il-post dlonk ġewni f’moħħi memorji ta’ tfuliti fejn fil-klassi għand is-sorijiet konna nkantaw il-versi ta’ Ġan Anton Vassalli:   

“Int sabiħa, o Malta tagħna!

Mhux għax Malti nfaħħrek jien;

Issemmik id-dinja kollha,

Magħruf ġmielek kullimkien.”

Sinċerament meta kont tifel din il-kanzunetta qatt ma għoġbitni wisq – kont naraha monotona u f’ċertu sens infantili. 

Ma domtx wisq newden fuq memorji ħelwin ta’ żmien il-primarja sakemm bdejt nara l-ewwel kummenti b’risposta għal dan il-post minn Francesco Castiglione. 

Bdew tilgħin serje ta’ kummenti diżpreġġjattivi fuq Malta propju minn Maltin… bħali. Saħansitra kien hemm minn qabbel lil Malta ma’ loki, fejn l-ekomomija timxi weħidha u li saħansitra Toto Rina ma kien xejn ħdejn il-mafjużi li għandna mas-saqajn. 

Għadni irrid nifhem kif hawn minn iħossu tassew irrabjat meta Malta tissemma f’lenti pożittiva. Meta l-barranin jaraw potenzjal f’pajjiżna li forsi aħna ma napprezawhx biżżejjed. Għadni ma nistax nifhem kif hawn min jieħu sodisfazzjon billi jħammeġ isem pajjiżna…art twelidu.

Fl-istess ġimgħa ltqajt ma’ studenta universitarja mit-Toskana li qed tistudja f’Malta. Meta staqsejtha kif sejra l-esperjenza tagħha ġewwa pajjiżna mal-ewwel qaltli li qed tikkunsidra serjament li wara l-istudji tagħha tkompli tgħix f’pajjiżna minħabba li kien faċli immens għaliha li ssib impjieg li huwa relatat mal-istudji tagħha. 

Xi ħaġa li sħabha lura f’pajjiżha ma setgħux jemmnu li kienet daqshekk faċli. 

M’aħniex pajjiż perfett, anzi. Imma objettivament, minkejja ċ-ċokon tagħna u n-nuqqas ta’ riżorsi mxejna ‘l quddiem ħafna u llum nistgħu nimirħu lejn tisħiħ tat-tessut soċjali, istituzzjonali u ekonomiku ta’ pajjiżna.

P.S. Min jaf x’kien jiġri kieku flok Taljan li faħħar lil pajjiżna, kien hemm immigrant li għajjarna razzisti? 

Ekonomija

Sport