Sunday, November 24, 2024

Mhux ħati li kellu 6 xadini perikolużi fir-Rabat

Aqra wkoll

Roman Gusman ta’ 45 sena ma nstabx ħati li kellu sitt xadini perikolużi f’għalqa fir-Rabat. Ix-xadini kienu nstabu għandu sentejn ilu u fil-Qorti rriżulta li dawn l-ispeċi ta’ xadini mhux meqjusin bħala perikolużi. L-ispezzjoni fl-għalqa kienet saret fit-18 ta’ Novembru tal-2022.

Il-Prosekuzzjoni quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello qalet li x-xadini kienu nstabu f’gaġġa u f’gażebo u dawn instabu waqt spezzjoni minn uffiċjali tad-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja u oħrajn mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.

Dakinhar l-awtoritajiet kienu konfiskaw ix-xadini li huma tar-razza Chlorocebus sabaeus. Gusman qal li ma kienx qiegħed iżomm ix-xadini f’żoo u li dawn ma kinux razza tax-xadini perikolużi kif kienet qiegħda tgħid il-prosekuzzjoni.

Hu nstab ħati però li fl-għalqa nstabet arma tan-nar li kienet qiegħda tinżamm barra mill-fond imsemmi fil-liċenzja li nħarġitlu mill-Kummissarju tal-Pulizija. Dwar din l-akkuża hu ġie mmultat €1,000, il-Qorti ordnat il-konfiska tal-arma u ssospendietlu l-liċenzja għal sena.

Sport