Wara li raġel ta’ 49 sena li jgħix Ħal Luqa kien tressaq il-Qorti li f’Ottubru ta’ sentejn ilu kien weġġa’ lil żewġ aħwa u ħeddidhom fi ġlieda f’Ħal Qormi wara ħabta, il-Qorti ma sabitux ħati. Parti minn din il-ġlieda kienet anke nqabdet f’filmat.
Il-Prosekuzzjoni li kienet immexxija mill-Ispettur Rodrick Agius spjegat li l-ħabta bejn l-imputat u l-allegati vittmi ġrat fl-1 ta’ Ottubru tal-2019, qrib ħafna r-roundabout tal-Erba’ Qaddisin għall-ħabta tan-12.30pm.
L-akkużat kien mixli wkoll li dakinhar kien saq b’mod perikoluz u b’mod traskurat u li rrenda ruħu riċediv, liema akkuża lanqas instab ħati.
Fost ix-xhieda kien hemm l-imputat u l-kunjatu tiegħu fejn qalu li kienu l-allegat vittmi li ma kinux qed isuqu b’mod prudenti.
L-imputat fix-xhieda tiegħu qal li l-aċċident seħħ x’ħin il-BMW (misjuqa mal-allegat vittmi) qabżitu u bdiet tross miegħu. Xehed ukoll li l-passiġġier tal-BMW beda joffendih u jgħajjat “żul min-nofs…warrbilna għax int ma tafx min aħna.” L-akkużat qal li l-istess passiġġier ħareġ mit-tieqa tal-karozza u beda jagħtih bil-ponn, filwaqt li x-xufier niżel isawwat lill-kunjatu tiegħu. Żied, li t-tfajla tiegħu, li kienet fil-vann miegħu, newlitlu mazza tal-baseball sewda u beda jxejjirha “left, right and centre” u jagħti bil-ponn fuq il-bumper tal-vann tiegħu stess biex igerrex lill-allegati vittmi.
Min-naħa l-oħra, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, irrimarkat il-fatt li ż-żewġ allegati vittmi ma xehdux dwar il-każ u li b’hekk l-uniċi verżjonijiet li kellha quddiemha kienu tal-imputat, tal-kunjatu tiegħu u tat-tfajla tal-akkużat.
Il-Maġistrat żiedet tgħid li mill-provi li ġew esebiti mkien ma jirriżulta li l-imputat weġġa’ lil wieħed mill-aħwa bil-lembuba. Il-Qorti kkonkludiet li l-imputat aġixxa kif aġixxa biex jiddefendi ruħu. Is-sentenza ngħatat l-Erbgħa.
Għal Attard, dehru l-Avukati Ramona Attard u Charlon Gouder.