Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet li ndirizza l-bieraħ tard wara nofs in-nhar, l-coach nazzjonali ta’ Malta, Michele Marcolini, qal li huwa konxju li dan il-konfront se jkun wieħed diffiċli.
“Nafu li din hija logħba ferm diffċli. Aktar minn hekk ninsab fi grupp mill-aktar iebes. Madankollu se nagħmlu l-almu kollu tagħna.
“Ninsab kuntent ħafna bl-isforzi u l-impenn tal-players matul il-jiem li għaddew u ninsab ħerqan biex flimkien magħhom nibda din l-avventura ġdida,” afferma Marcolini li proprju llum se jagħmel id-debutt tiegħu fir-responsabbiltá tat-team.
Huwa spjega li “Malta hija pajjiż żgħir u se nirrispettaw lill-avversarji tagħna, iżda l-football jintlagħab fil-ground u għaldaqstant kollox jista’ jseħħ.
“Il-players iridu jilagħbu, juru enerġija, ikunu kuraġġużi u jiffaċċjaw l-avversarji mingħajr biża’.”
Dawn l-aħħar jiem kienu okkażjoni mill-aqwa biex titkompla l-ħidma mibdija mill-eks coach, Devis Mangia, u biex jibdew jitqiegħdu fil-prattika l-ideat tattiċi tal-coach il-ġdid.
Huwa saħaq li minkejja li “dan huwa wieħed mill-aktar gruppi diffiċli tar-round ta’ kwalifikazzjoni ta’ din il-kompetizzjoni, se nagħmlu minn kollox biex ikollna prestazzjonijiet kif ukoll riżultati tajbin.”
Intant, il-player veteran li jilgħab ma’ Hamrun Spartans, Steve Borg, spjega li l-grupp issetilja tajjeb flimkien mal-coaching staff il-ġdid u l-ftit membri ġodda tat-team.
“Għalkemm ippreparajna tajjeb bħala team, aħna dejjem konxji li kull tournament huwa sfida kbira għaliba. Madankollu, se naħdmu ħafna biex inħejju għat-tmien logħbiet li ġejjin li kulħadd jaf il-qawwa tal-avversarji tagħna.
“Irridu nieħdu logħba logħba u għaldaqstant ninsbu ffukati għal kollox fuq dan il-konfront li nafu li huwa wieħed diffiċli,” temm jgħid Borg.
Riżultat sodifaċenti kontra l-avversarji tal-lum, bla dubju, jgħolli l-moral tal-players għall-partita ta’ nhar il-Ħadd li ġej kontra l-Italja, fl-Istadium Nazzjonali, quddiem il-partitarji Matlin li mistennija joħonqu Ta’ Qali.