Friday, April 19, 2024

Euro 2024: Illum Malta tibda l-impenja tagħha kontra l-Maċedonja

Aqra wkoll

Proprju llum Malta tibda l-impenji tagħha minn Grupp C tar-round ta’ kwalifikazzjoni tal-Euro 2024, meta fi Skopje tiltaqa’ kontra l-Maċedonja.

It-team immexxi mill-coach il-ġdid, it-Taljan Michele Marcolini, għandu grupp diffiċli li jinkludi wkoll lill-Italja, Ingilterra u l-Ukraj­na.

Din se tkun l-ewwel minn programm ta’ żewġ partiti għall-Maltin hekk kif nhar il-Ħadd le ġej nospitaw lill-Italja, f’Ta’ Qali. 

Marcolini se jiddebutta f’din il-partita wara li ħa post il-predeċessur tiegħu Devis Mangia. Huwa konxju mill-fatt għandu biċċa xogħol diffiċli f’dan il-grupp li jinkludi tnejn mill-ġganti tal-football Ewropej. 

Ftit tal-jiem ilu, Marcolini sejjaħ skwadra ta’ 31 player li fiha inkluda għall-ewwel darba lil Luke Tabone ta’ Gżira United b’Yannick Yankam li rritorna wara xi partiti nieqes. Mill-bqija huwa żamm l-istess skwadra li kellu Mangia li tinkludi wkoll players li jilagħbu barra minn Malta, fosthom Teddy Teuma ta’ St Gilloise, James Brown ta’ St Johstone, Zach Muscat ta’ Farense u Jodi Felice Jones ta’ Notts County.  

L-avversarji tal-lum huma rinomati wara li kkwalifikaw għall-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja 2022, li ntlagħbet fil-Qatar, meta għelbu lit-Taljani fil-play-off  bl-iskor ta’ 1-0 liema goal wasal fit-92 minuta minn Aleksandar Trajkovski. 

Huma għandhom team solidu u bħalissa jinsabu rrankjati fil-65 punt tal-FIFA. It-team huwa mmexxi mill-coach, Blagoja Milevski, li għandu 51 sena u li fil-karriera ta’ player kien jilgħab bħala difensur ċentrali. 

Wara li mexxa lit-team nazzjonali ta’ Taħt il-21 sena għal diversi snin, huwa ngħata l-inkarigu biex jieħu r-responsabbiltá tat-team tal-kbar. 

L-iktar player li għandu esperjenza huwa poprju Trajkovski li b’kollox lagħab 81 logħba għal pajjiżu u li bħalissa jilgħab fl-Arabja Sawdija ma’ Al Fahya.  

Dan se jkun is-seba’ konfront bejn iż-żewġ nazzjonijiet. Fis-sitt partiti preċedenti, il-Maċedonja rebħu sitt darbiet, bl-ikbar rebħa tiġi rreġistrata fl-2002, dik ta’ 5-0. Barra minn hekk, logħba partikolari spiċċat fi draw ta’ 1-1 li inċidentalment kien ukoll l-aħħar konfront ta’ bejniethom. 

Il-partita se tintlagħab fin-National  Arena Todor Proeski fi Skopje, li jesa’ 32, 120 spettatur u tibda fid-8.45pm, b’xandira diretta fuq TVMSport+.

Sport