Thursday, December 26, 2024

Mikxufa skultura li tfakkar is-Summit ta’ Bush-Gorbachev f’Malta

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo inawgura skultura tal-artist Russu Gregory Pototsky fil-Ġonna tal-Gardjola fis-swar tal-Isla, f’għeluq it-32 anniversarju tas-summit li kien sar f’Malta bejn George Bush, President tal-Istati Uniti, u Mikhail Gorbachev, mexxej tal-eks Unjoni Sovjetika.

Għaċ-ċerimonja attendew, fost l-oħrajn, Gwendolyn S. Green, Chargé d’Affairs tal-Istati Uniti għal Malta u Aleksei Dedenkulov, Chargé d’Affairs tar-Russja għal Malta, Patri Dijonisju Mintoff, fundatur tal-Laboratorju tal-Paċi u Clive Pulis, Sindku tal-Isla.

Il-Ministru Bartolo tkellem dwar l-importanza ta’ relazzjonijiet aktar stabbli u prevedibbli bejn l-Istati Uniti u r-Russja.

“Ir-ritorn għal diplomazija kwieta fir-relazzjonijiet bejn ir-Russja u l-Istati Uniti, anke b’aġenda limitata, hija aħbar tajba. Li nitgħallmu ngħixu ma’ xulxin, jekk ikun ta’ suċċess, mhux biss iġib aktar prevedibbiltà u stabbiltà fis-sistema internazzjonali, iżda jgħin ukoll lill-bqija tad-dinja tieħu n-nifs ftit aktar faċli fost it-taqlib kaotiku li għaddej fl-ordni globali”, qal il-Ministru Bartolo.

L-iskultura ta’ Gregory Pototsky (1954-) mhux biss tirrappreżenta l-Purtiera tal-Ħadid li darba kienet tifred l-Ewropa u d-dinja iżda tissimbolizza wkoll il-fraġilità tal-paċi li tista’ tintilef fi kwalunkwe ħin.

Ekonomija

Sport