Fil-lokalità tal-Imsida, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes inawgura l-iktar proġett ambizzjuż ta’ housing soċjali fil-pajjiż u li se jkun qed jilqa’ fih 102 familji.
Waqt l-inawgurazzjoni tal-binja, imsemmija għall-eks-Ministru Patrick Holland, il-Ministru Galdes semma’ kif mill-2022 sal-aħħar ta’ din is-sena, il-Gvern se jkun fetaħ 442 appartament tal-housing soċjali. “Dan ifisser li sal-aħħar tal-2024, il-Gvern se jkun investa f’442 familja u tahom l-opportunità li jsawru l-futur tagħhom taħt saqaf diċenti u dinjituż.”
B’investiment ta’ madwar €10 miljuni, il-binja tikkonsisti f’102 appartamenti u 22 garaxx. Fil-futur il-proġett se jkun qed jinkludi Klinika għall-Komunità u ħwienet oħrajn.
Żied jgħid li dan ir-rekord jingħaqad mar-rekord ta’ skemi li tamministra l-Awtorità tad-Djar, ir-rekord ta’ investiment ta’ €50 miljun għal din l-imrewħa ta’ iskemi u r-rekord fir-rata ta’ 82.6% ta’ homeownership li għandu pajjiżna fost il-pajjiżi Ewropej.
Il-Ministru Roderick Galdes ikkonkluda jgħid li l-ħidma tal-Gvern fis-settur tal-housing ġabet magħha revoluzzjoni ħolistika u soċjali. “Is-suċċessi li ksibna u li se nkomplu niksbu huma frott ħidma kollettiva ta’ Team Malta li qegħdin Inwettqu Flimkien.”
Fl-intervent tiegħu l-Perit tal-binja, Samuel Formosa, irrimarka li din il-binja, li hija l-ewwel housing soċjali li tista’ taħżen riserva tal-ilma riċiklat. Huwa spjega li minkejja l-isfidi tal-ilma baħar, l-għargħar u ilma ġieri, il-binja se tkun tista’ tilqa’ fiha dan l-ilma fi kmamar mibnija apposta taħt il-livell tat-triq biex imbagħad jintuża mill-protezzjoni ċivili. Il-Perit Formosa semma’ wkoll kif għall-bini tal-faċċata tal-binja ntużat il-ġebla Maltija “biex tinżamm id-dehra tradizzjonali.”
Preżenti għall-ftuħ tal-binja attendew is-Segretarju Permanenti Emanual Psaila, is-Sindku tal-lokalità tal-Imsida Margaret Baldacchino Cefai u membri tal-familja Holland.