Friday, April 26, 2024

Mill-inqas 125 partitarju jmutu waqt logħba football fl-Indoneżja

Aqra wkoll

Mill-inqas 125 persuna mietu waqt logħba football fl-Indoneżja f’wieħed mill-agħar diżastri tal-grounds fid-dinja.

Din it-traġedja seħħet wara li l-pulizija sparat il-gass tad-dmugħ lejn il-partitarji li nvadew il-ground. 

Madwar 180 persuna oħra weġġgħu fit-tgħaffiġ wara li Arema FC tilfu kontra r-rivali morri Persebaya Surabaya f’Java.

Il-Kap Ministru tas-Sigurtà tal-pajjiż qal li n-numru ta’ spettaturi qabeż il-kapaċità tal-ground b’madwar 4,000.

Il-president, Joko Wido, ordna li l-logħbiet kollha tal-kampjonat Indoneżjan jitwaqqfu minnufih biex jibdew l-investigazzjonijiet. 

Filmati wrew partitarji jiġru fil-ground wara t-tisfira finali.

Il-pulizija mbagħad sparaw il-gass tad-dmugħ, li wassal biex dawk il-partitarji bdew jaqgħu mal-art ibati milli jieħdu n-nifs. 

Il-partitari rrisopondew lura billi attakkaw lill-pulizija kif ukoll għamlu ħsara kbira lill-karozzi. 

B’dik ix-xena, dawk li kienu fl-istadium riedu jaħarbu minn dak il-ġlied bil-konsegwenza li kien hemm iffollar ħdejn il-bibien tal-ħruġ fejn kulħadd beda jgħaffeġ fuq kulħadd.

Kien hemm anke min qabeż mill-istadium għal isfel b’uħud minnhom imutu mal-impatt.

Ir-regolamenti tal-FIFA jistipulaw li l-gass tad-dmugħ m’għandux jintuża waqt logħbiet tal-football. 

Sport