Friday, December 20, 2024

Milqugħa talba ta’ raġel akkużat li pprova joqtol lil martu b’martell 

… stqarrija li kien ta lill-pulizija dikjarata inammissibbli

Aqra wkoll

Il-Qorti Kriminali laqgħet talba ta’ raġel akkużat li pprova joqtol lil martu b’martell f’residenza fil-Mellieħa sabiex l-istqarrija li kien ta lill-Pulizija ma ssirx referenza għaliha waqt il-ġuri tiegħu. 

Il-każ imur lura għall-11 ta’ Novembru tal-2019. Mill-Att tal-Akkuża ħareġ li għalkemm il-koppja kienu legalment miżżewġin u jgħixu taħt l-istess saqaf, kien hemm diversi kwistjonijiet bejniethom li wassluhom sabiex jibirdu minn xulxin. 

B’mod partikolari, kien qam argument jaħraq bejniethom wara li l-akkużat allegatament talab lil martu sabiex tisilfu €300 iżda hi kienet irrifjutat milli tagħmel dan. Fl-istess żmien kien inqala’ argument ieħor fuq persuna ta’ nazzjonalità barranija sabiex tibda tgħix magħhom fir-residenza matrimonjali. 

Fl-Att tal-Akkuża, l-Avukat Ġenerali jgħid li l-akkużat daħħalha f’rasu li martu kellha tpattiha qares ta’ dan. Jingħad li l-akkużat allegatament kien aggredieha b’martell meta din marret tistrieħ ftit fil-kamra tas-sodda tagħhom. 

Żied jingħad li l-akkużat xi ħin wara li wettaq l-aggressjoni fuq martu, ċempel għall-ambulanza u qalilhom kien għadu kif ta xebgħa lil martu u li mhux qiegħda konxja. Il-vittma kienet ittieħdet l-Isptar b’urġenza hekk kif kienet tinsab f’qagħda kritika. Għaldaqstant it-tobba kellhom jaġixxu minnufih biex isalvawlha ħajjitha billi jagħtuha l-kura neċessarja. 

Emanuel Borg qed ikun akkużat b’żewġ kapi ta’ akkuża – li pprova joqtol lil martu u li kkaġunalha ġrieħi ta’ natura gravi u permanenti. F’Ottubru li għadda, l-akkużat ressaq diversi eċċezzjonijiet fejn talab fost oħrajn li l-istqarrija tiegħu ma tiġix murija lill-ġurti minħabba li fil-fehma tiegħu kienet prova inammissibbli.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera nnotat li l-akkużat kien irrilaxxa stqarrija, fejn ingħata l-‘caution’ skont il-liġi ta’ dak iż-żmien però ma ngħatax id-dritt tiegħu li jkun assistit minn avukat jew prokuratur legali tal-fiduċja tiegħu waqt it-teħid tal-istatement tiegħu minkejja li l-liġi in vigore fiż-żmien meta ttiehdet l-istqarrija kienet tipprovdi dan.

“L-istqarrija ttiehdet fis-sena 2019, sentejn wara li ġie introdott id-dritt li suspettat akkużat jista’ jkun assistit minn avukat jew prokuratur legal matul l-interrogazzjoni. Għalhekk l-akkużat filwaqt li kellu dritt li jikkonsulta m’avukat qabel l-interrogazzjoni, kellu wkoll id-dritt li jkun assistit minn avukat matul l-interrogatorju.”

Il-Qorti ddeċidiet li l-istqarrija kienet ittieħdet mhux skont il-liġi viġenti fiż-żmien meta ngħatat u għalhekk ittieħdet bi ksur tal-liġi viġenti u konsegwentement m’għandhiex tiġi kkunsidrata bħala prova ammissibbli u għalhekk ma kellhiex tiġi murija jew moqrija lill-ġurati ladarba jiġi appuntat il-ġuri. Kien għalhekk li laqgħet din l-eċċezzjoni. 

Min-naħa l-oħra ċaħdet it-talba sabiex tiddikjara inammissibbli dawk il-partijiet tax-xhieda tal-espert tal-IT Keith Cutajar meta kiseb verżjoni tal-fatti mill-parte civile waqt li din kienet qiegħda l-isptar Mater Dei. Il-Qorti qalet li dan seta’ jagħmlu jekk huwa ħaseb li tali inkontru kien neċessarju sabiex jaqdi b’mod aħjar u sigur l-inkarigu mogħti lilu. 

Fir-rigward tat-tielet eċċezzjoni, id-Difiża talbet lil-Qorti għall-isfilz tax-xhieda tal-vittma u ta’ kull referenza li saret għaliha fl-atti proċesswali għaliex fi kliemha l-akkużat la għandu u laqas jista’ jkollu l-opportunità li jwettaq il-kontro-eżami ta’ din ix-xhud minħabba li laħqet mietet.

Il-Qorti qalet li l-vittma kienet xehdet f’Novembru tal-2019 meta l-akkużat kien assistit mill-Avukat tiegħu li kien għażel li ma jagħmilx il-kontro-eżami ta’ tali xhud. Qalet li dan hu każ fejn persuna xehdet volontarjament minn rajha fil-Qorti fil-preżenza tal-akkużat u l-Avukat tiegħu.

“Kienet l-għażla tal-akkużat jew saħansitra tal-avukat tiegħu li l-kontro-eżami ma jsirx dakinhar wara li ddeponiet. Ma hemmx xejn indikattiv fil-verbal tas-seduta li jimplika li dan ma setax isir. Ma jistax jingħad illum il-ġurnata snin wara jiġi l-akkużat u jitlob li tali xhieda għandha tigi ddikjarata inammissibli għaliex din ingħatat skont il-liġi u għalhekk għandha tibqa’ inserita fl-atti u moqrija lill-ġurati wara li jkun hemm dikjarazzjoni mill-prosekuzzjoni fis-sens li l-partijiet jiġu infurmati uffiċjalment li din ix-xhud mietet fil-mori ta’ dawn il-proceduri,” tenniet il-Qorti.

Ghalhekk din il-Qorti laqgħet l-ewwel eċċezzjoni mogħtija mill-akkuzat u ddikjarat l-istqarrija tiegħu inammissibli u li ma jista’ jkun hemm l-ebda referenza ghaliha fl-ebda stadju tal-ġuri minn kwalunkwe xhud però ċaħdet it-tieni u tielet eċċezzjoni fit-totalità tagħhom.

Il-Qorti ordnat ukoll il-prosesgwiment tal-kawza.

Ekonomija

Sport