Tuesday, April 30, 2024

Minkejja l-iskandlu ta’ eks impjegata, Facebook ra qligħ ta’ €7.7 biljuni

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Mhuwiex pass faċli persuna tikxef sigrieti fuq kumpanija kbira u dan aktar u aktar jekk il-kumpanija li teħodha magħha hija Facebook. Il-whistleblower li qiegħda tikxef irregolaritajiet serji tal-pjattaforma l-aktar popolari tad-dinja hija Frances Haugen, eks impjegata ta’ Facebook, li marret quddiem il-kumitat tas-senat Amerikan u kixfet periklu serju għall-pubbliku li jsegwi Facebook. Kliemha wassal għal investigazzjonijiet, rapporti fuq il-midja u skandlu iżda minkejja dan kollu, din il-kumpanija ġganteska diġitali xorta waħda għamlet profitti kbar bil-biljuni ta’ ewro.

Facebook qiegħed jiffaċċja kriżi serja u Mark Zuckenberg, il-fundatur u kap eżekuttiv tiegħu, qiegħed ikun ikkritikat bl-aħrax minħabba s-sigrieti li qegħdin joħorġu dwar l-operat tiegħu fosthom li fuq Facebook jidher tagħrif żbaljat, qiegħed jiżdied il-kliem ta’ mibgħeda u li seta’ kien għodda fl-irvellijiet fuq il-Kungress Amerikan fis-6 ta’ Jannar li għadda. 

Fl-intervent tagħha Haugen qalet li bħala Kap Eżekutiv u l-aktar persuna li għandha ishma ta’ Facebook, Zuckenberg ma wera ebda inizjattiva li jipproteġi lill-pubbliku mill-ħsara li kumpanija tiegħu qiegħda tikkawża. Fl-aħħar smigħ li kellha Haugen qalet lill-membri parlamentari Ingliżi li, “bla dubju Facebook qiegħed jiggrava l-mibgħeda”. Hija qalet li hemm nuqqas ta’ ħaddiema fis-sezzjoni li tieħu ħsieb is-sigurtà tal-kontenut fejn żiedet tgħid li, “Facebook lanqas kien lest jissagrifika ftit flus mill-profitti biex iżid is-sigurtà fuq il-pjattaforma”.

Zuckerberg b’kontroll totali

F’intervista li kellha ma’ “Observor” din il-whistleblower insistiet li l-fundatur ta’ Facebook m’għandu ebda ħeġġa li jmexxi l-kumpanija b’mod li jipproteġi lill-pubbliku mill-konsegwenzi li jista’ jsofri minħabba kontenut perikoluż li jidher.

L-intervent tagħha sar hekk kif it-tensjoni żdiedet fuq il-kumpanija li tiġġenera kważi triljun Ewro minħabba informazzjoni ġdida li kixfet Haugen minn dokumenti li ħarġet mill-kumpanija li hija stess kienet impjegata fiha. In-“New York Times” irrapportat li għal diversi drabi kien hemm ħaddiema li stqarru li Facebook juri informazzjoni qarrieqa. Fost informazzjoni ta’ dan it-tip l-aktar li ssemmiet hija dik li fiha beda jingħad li r-riżultat tal-elezzjoni presidenzjali tal-2020 kienet imbagħbsa. Fil-fatt ħafna minnhom isostnu li l-kumpanija Facebook setgħet tagħmel aktar biex twaqqaf milli tinxtered informazzjoni ta’ dan it-tip.

Haugen qalet li Zuckerberg għandu l-kontroll tan-negozju minħabba li l-akbar ammont ta’ ishma ta’ Facebook huma tiegħu. “Bħalissa Mark huwa responsabbli. Huwa għandu l-kontroll totali. Għandu ma ħax il-passi meħtieġa u ma jidhirx li jrid jeħodhom biex imexxi l-kumpanija b’livell xieraq għas-sigurtà tal-pubbliku”.

Hija żiedet tgħid li jekk l-azzjonisti kollha jingħataw l-istess vuċi u saħħa fit-tmexxija tal-kumpanija, ikun hemm it-tibdil meħtieġ minn ta’ fuqnett. “Jiena nemmen fid-drittijiet tal-azzjonisti (shareholders) u f’dan il-każ, dawn ilhom is-snin jitolbu li għal kull sehem jingħata vot. Ir-raġuni hija li, personalment, inħoss li kieku l-azzjonisti jkollhom għażla, kieku dawn jagħżlu tmexxija differenti”.

Eluf ta’ dokumenti maħruġa… 

Haugen, li rreżenjat mill-pożizzjoni tagħha bħala product manager f’Mejju, qalet li ħadet eluf ta’ dokumenti qabel telqet minħabba li kienet taf li jekk ma tagħmilx hekk, il-kumpanija ma kinitx se tibdel l-operat tagħha. Id-dokumenti, li anke ġew ippreżentati lill-Kummisssjoni tas-Sigurtà u quddiem il-Kungress Amerikan, ifformaw il-bażi ta’ serje ta’ artikli investigattivi fuq ”Wall Street Journal”.

L-eks impjegata tal-Facebook qalet li, “hemm għadd ta’ kumpaniji kbar li għamlu tibdil meħtieġ fosthom Apple u Microsoft. Facebook jista’ jinbidel ukoll. Iridu biss juru bis-serjetà li jridu jagħmlu dan”.

Ftit tal-ġranet ilu konsorju ta’ mezzi tax-xandir Amerikani ppubblikaw sensiela ta’ stejjer ibbażati fuq id-dokumenti ta’ Haugen. In-“New York Times” irrapportat li investigazzjoni interna sabet li ftit wara l-elezzjoni Presidenzjali Amerikana s-sena l-oħra, 10% tal-kontenut politiku fuq Facebook kien tagħrif qarrieq li allega li r-rebħa ta’ Biden kienet misruqa.  Dan il-persentaġġ għoli ta’ kontenut “żbaljat” fuq Facebook huwa ta’ periklu serju. 

Barra dan u tagħrif ieħor li nkixef dwar l-operat ta’ Facebook, hemm tħassib dwar xi rwol seta’ kellu fl-irvellijiet tas-6 ta’ Jannar li fihom grupp ta’ persuni bil-forza ppruvaw idawru r-riżultat tal-elezzjoni billi daħlu u kissru l-Capitol f’Washington.

Quddiem dawn l-akkużi u rapporti, kif ukoll xhieda ta’ whistleblower eks impjegata tal-istess kumpanija, kelliem tal-Facebook saħaq li, “premessa importanti f’dawn l-għajdut hija falza. Iva, aħna negozju li jagħmel il-qligħ. Iżda, li nagħmlu dan bil-prezz qares li nnaqqsu s-sigurtà u l-benesserri tan-nies, le”. Dan il-kelliem qal li bħala kumpanija Facebook investa €11-il biljun u għandu aktar minn 40,000 persuna jagħmlu xogħol wieħed – jiġifieri dak li jżommu n-nies siguri fuq Facebook.

Il-viċi president tas-sezzjoni għall-integrità fuq Facebook, Guy Rosen, qal li l-kumpanija ħadet diversi miżuri biex tipproteġi lill-pubbliku waqt u wara l-elezzjoni u li, “ir-responsabbiltà tal-irvell hija ta’ dawk li kisru l-liġi u ta’ dawk li instigaw l-istess attakki fuq il-Kungress”.

Mhux whistleblower waħda!

Huwa rrapportat li Haugen mhiex l-unika whistleblower li ppreżentat ilmenti quddiem il-Kummissjoni tas-Sigurtà Amerikana, ir-regolatur finanzjarju tal-Istati Uniti. It-tieni whistleblower qiegħed jallega li l-kumpanija naqset li tinforza r-regoli tas-sigurtà minħabba biżgħa li jirrabjaw lil Trump jew li jnaqqas it-tkabbir tat-traffiku fuq Facebook.

Barra li l-amministrazzjoni ta’ Facebook ħarġet diversi stqarrijiet li jikkontradixxu dak li qiegħed jinkixef minn Haugen, huwa rrapportat li din il-kumpanija be ħsiebha tagħmel ħafna tibdil bil-għan li jkollha identità ġdida. Dan bil-għan li l-kumpanija u l-pjattaforma ewlenija jkunu sseparati minn xulxin. 

Barra minnhekk, jingħad li Zuckerberg għandu mnejn iħabbar rebranding tal-identità korporattiva ta’ Facebook. Dan skont rapport riċenti li fih qalu li l-kumpanija hija eċitata ħafna li tikkonċentra l-isforzi futuri tagħha bħala parteċipant ta’ “metaverse” – dinja diġitali li fiha n-nies se jagħmlu kuntatt ma’ persuni oħra kemm soċjalment, kif ukoll professjonalment, b’mod virtwali.

Sadanittant, minkejja l-iskandlu tal-whistleblowers, il-BBC News ħabbar li din l-akbar network tal-midja soċjali, għat-tielet kwart tas-sena kellha profitti aħjar minn dak li antiċipat. F’perjodu fejn Facebook jinsab taħt attakk minħabba dokumenti interni li ħarġu fuq il-midja permezz ta’ Haugen, Facebook għamel €7.7 biljuni fi profitt. Dan is-suċċess finanzjarju kisbu minkejja li Facebook intlaqat ħażin minn sistema operativa ġdida minn Apple. Din is-sistema affettwat ir-reklami speċifiċi li jidhru minn dawk li jkunu fuq Facebook.

Din l-aħbar ġiet wara mewġa ta’ rapporti fuq il-midja li fihom jingħad ukoll li Facebook, b’mod regolari, jonqos milli jimmodera l-kontenut li jippromowvi l-kliem ta’ mibgħeda u dwar allegat traffikar uman għall-prostituzzjoni barra l-Istati Uniti.

Min-naħa tiegħu Mark Zuckerburg qal lill-investituri li, “dak li qegħdin nesperjenzaaw hija ħidma biex jintużaw dokumenti maħruġa bla permess biex tingħata idea żbaljata tal-kumpanija tagħna”. 

Minkejja l-allegazzjonijiet kollha, sal-bidu ta’ din il-ġimgħa, l-ishma ta’ Facebook telgħu 1.3% u l-istokk tal-kumpanija mill-bidu ta’ din is-sena tela’ b’madwar 20%. 

Sport