Wednesday, April 24, 2024

Mixli li daħħal f’Malta mal-200 Indjan għal xogħol li ma jeżistix

Aqra wkoll

Raġel ta’ 42 sena residenti Ħal Balzan inżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli li uża informazzjoni tal-kumpanija li jaħdem magħha – li ġġib impjegati minn barra – sabiex iġib f’Malta madwar 200 persuna ta’ nazzjonalità Indjana bi ksur tal-liġi.

Jonathan James Borg kien mixli li wettaq dan ir-reat is-Sibt li għadda u fil-ġranet, ix-xhur u s-snin ta’ qabel. Huwa kien mixli wkoll li għamel użu minn informazzjoni tal-kumpanija fejn jaħdem biex jipprova jdaħħal f’Malta lil dawn il-persuni sabiex jikseb vantaġġ għalih.

Borg kien ukoll mixli li kiser ordeni ta’ ffriżar u żewġ digrieti oħra li bihom ingħata l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet.

Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu, bid-Difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest, liema sabet sabet oġġezzjoni mill-prosekuzzjoni fejn qalet li għad baqa’ diversi persuni li għad iridu jixhdu.

Il-parte civile rrimarkat li l-barranin kienu ġew Malta għal xogħol li ma jeżistix u ma eskludietx li hemm persuni oħra li għad iridu jaslu f’pajjiżna. Intqal li l-applikazzjonijiet kienu jammontaw għal aktar minn 200. 

Wara li semgħet iż-żewġ naħat, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li l-imputat jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Karl Roberts. L-Avukat Ezekiel Psaila deher għal Borg. 

Sport