Somalu ta’ 24 sena tressaq il-Qorti mixli li allegatament offra kokaina lil grupp ta’ turisti Spanjoli qabel ta daqqa ta’ ponn lil wieħed minnhom waqt inċident f’Paceville.
Abdulrahman Mustafa, li joqgħod Gżira, tressaq fil-Qorti mixli li kellu fil-pussess tiegħu kannabis u kokaina f’ċirkostanzi li jindikaw li d-droga ma kinitx maħsuba għall-użu personali tiegħu. Huwa ġie mixli wkoll li offra jforni l-kokaina u li allegatament wettaq ir-reati f’żona frekwentata miż-żgħażagħ.
L-inċident seħħ is-Sibt li għadda, għall-ħabta tat-3.00 a.m. f’Paceville, fejn grupp ta’ żgħażagħ Spanjoli rrapportaw lill-Pulizija li raġel avviċinahom u offrielhom pakkett żgħir ta’ kokaina għall-prezz ta’ €60.
Wara li rrifjutaw l-offerta, ir-raġel allegatament ta daqqa ta’ ponn lil wieħed minnhom qabel il-grupp avża lill-Pulizija u indikalhom lis-suspettat.
Meta l-Pulizija għamlet tfittxija fuq l-akkużat, allegatament instab fil-pussess ta’ qartas kannabis u żewġ qratas kokaina moħbija fil-kalzini tiegħu.
Il-prosekuzzjoni talbet lill-Qorti toħroġ ordni ta’ ffriżar fuq l-assi tal-akkużat sakemm jintemmu l-proċeduri, kif ukoll tordna l-konfiska ta’ kwalunkwe rikavat mir-reat u tal-oġġetti esebiti jekk eventwalment jinstab ħati.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Pier Guido Saliba flimkien mal-Avukat Julian Scicluna mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Għad-Difiża dehru l-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Fleur Abela.


