Friday, May 3, 2024

Mixli li wasal Malta b’sitt dokumenti foloz fuqu

Aqra wkoll

Raġel ta’ 35 sena mill-Bangladesh li iżda jgħix il-Greċja u li m’għandux residenza f’Malta, inżamm arrestat wara li daħal f’pajjiżna allegatament b’sitt dokumenti foloz fuqu.  

L-Ispettur Karl Roberts li qed imexxi l-Prosekuzzjoni qal fil-Qorti li nhar il-Ħamis wara nofsinhar daħlet informazzjoni li raġel li kien fuq titjira minn Ateni lejn Malta allegatament kellu fuqu sitt passaporti foloz.

Il-Pulizija saru jafu b’dan permezz ta’ telefonata li daħlet fil-Kwartieri tal-Pulizija. Minnufih ġew informati l-ħaddiema tal-ajruport u anke s-sezzjoni tal-Immigrazzjoni kif ukoll uffiċjali tad-Dwana.

Kif ir-raġel daħal fl-Ajruport ta’ Malta saret tfittxija fuqu u allegatament instabu sitt dokumenti foloz. Dawn kienu jinkludu tliet passaporti Indjani u tliet permessi ta’ residenza tal-Portugall.

Hekk kif illum ir-raġel tressaq il-Qorti filwaqt li wieġeb mhux ħati tal-akkużi li nġiebu kontrih, qal li hu jaħdem f’għalqa tal-frawli.

Id-Difiża mmexxija mill-Avukat Daniel Attard m’għamlitx talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li l-imputat m’għandux residenza f’pajjiżna.

Sport