Tuesday, May 14, 2024

MPE Laburista maħtur fil-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza tal-Ġeneru tal-PE

Aqra wkoll

L-Ewroparlamentari Laburista Cyrus Engerer għadu kif ġie magħżul biex jirrappreżenta lill-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew fil-ħidma tal-Kumitat tad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri (FEMM). Engerer se jkun l-ewwel deputat Malti appuntat fi ħdan dan il-kumitat minn meta Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea fl-2004.

Mindu ġie elett fil-Parlament Ewropew, Engerer kien fuq quddiem nett tal-ġlieda għad-drittijiet tan-nisa fil-ħidma Parlamentari tiegħu. Huwa spjega kif il-femiċidju riċenti ta’ Paulina Dembska, li ħasad lil Malta u qajjem protesti fil-pajjiż, spirah biex jieħu aktar azzjoni konkreta fil-qasam tal-ugwaljanza tal-ġeneru. 

L-għan ta’ Engerer bħala Membru Malti fil-Kumitat FEMM hu li jinbena pont bejn is-soċjetà kollha biex niżguraw li qiegħdin tassew insibu soluzzjonijiet komuni, għal problemi komuni. 

Il-ħidma tal-Kumitat FEMM titratta liġijiet li jirrelataw mad-drittijiet tan-nisa, fosthom il-vjolenza domestika, l-femiċidji, d-drittijiet tal-familja, u l-parteċipazzjoni tan-nisa f’kull livell tas-soċjetà. Apparti li tassigura ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-bilanċ politiku, il-kumitat jiddedika ruħu biex jipproteġi d-drittijiet u l-valuri tan-nisa, filwaqt li juttilizzahom biex tissaħħaħ l-ekonomija. 

Il-prijoritajiet tal-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-kumitat FEMM huma li jittejbu d-drittijiet ta’ leave, kemm għall-maternità u anka għall-paternità, il-promozzjoni ta’ trattament u paga ugwali bejn in-nisa u l-irġiel, u li jitqassmu ugwalment ir-responsabilitajiet bejn in-nisa u l-irġiel.

Sport