Monday, September 23, 2024

Naħdmu għal klima fejn ħadd ma jħossu waħdu

- Jikteb Mario Fava

Aqra wkoll

Ma fiha xejn ħażin li kultant ma tħossokx. Ilkoll kemm aħna konna hemm f’xi punt f’ħajjitna. Kultant, il-piż tad-dinja ta’ madwarna jsir wisq għalina u għandna bżonn lil xi ħadd biex jitkellem magħna u jifhem dak li nkunu għaddejjin minnu. Hekk hi s-saħħa mentali.

Il-mistoqsija hija; Qed inkunu kapaċi nidentifikaw meta nkun qed iħossuna weħidna u nfittxu l-għajnuna?  Kemm jekk dan ifisser li nitkellmu ma’ ħabib, membru tal-familja, terapista, jew xi ħadd ieħor, irridu nkomplu nitkellmu biex nesponu l-istigma u noħolqu dinja li hija differenti.

Ħafna minna trabbew f’familja fejn is-saħħa mentali kienet trattata bħala ingann, f’sens li donnu min ikun għaddej minn din il-kundizzjoni qisu għandu xi ħaġa differenti. Is-soċjetà għaddiet minn żmien li meta xi ħadd jitkellem dwar ansjetà jew dipressjoni bħala mard, konna immedjatament nirrifjutaw il-perspettiva tagħhom, u agħar minn hekk, nirrifjutaw lil dik il-persuna kompletament.

L-attitudni tagħna tista’ kultant tkun ‘appoġġ’ għall-istigma u dan huwa ta’ ħsara għax ma jħalliniex infittxu l-għajnuna meta l-aktar li għandna bżonnha. Dan ikompli jiggrava l-affarijiet. Li taċċetta jew tinjora l-istigma jfisser li din issir ir-realtà – isir l-istatus quo. Inkonxjament tibda temmen li dak li int fil-mument huwa destinat biex tkun int għal dejjem, li ma tistax tinbidel, u li m’hemm ħadd ieħor fid-dinja bħalek. Dan għalik ikun ifisser li ħadd ma jista’ jgħin.

Bħala ġenituri, huwa partikolarment vitali li nifhmu dan għax it-tfal tagħna jitgħallmu mill-eżempju tagħna. Huma jarawna u jagħmlu dak li nagħmlu, irrispettivament minn dak li ngħidu lill-oppost. F’sens li kultant ngħidulhom ħaġa u imbagħad nagħmlu oħra. Dan jibgħat messaġġ ħażin għal meta t-tfal ikollhom bżonn jiftħu qalbhom mal-ġenituri tagħhom.

Għax imbagħad hemm fattur ieħor li rridu nikkonsidraw. Hemm xi ħaġa oħra li ma nistgħux ninjoraw. Jekk it-tfal ma jiġux għandna, iduru lejn xi ħadd … jew xi ħaġa. Oħra li jħossuhom aktar komdi jirrelataw magħha. Huma se jfittxu informazzjoni online, isibu nies oħra għaddejjin minn xi ħaġa simili, jew isegwu eżempji li juru dak li jixtiequ jemmnu jew jirrelataw miegħu. Dan iwassal li qabel biss ninnutaw il-gravita’ tas-sitwazzjoni insibu ma’ wiccna kobba ta’ kwistjonijiet u problemi, li nkunu ħallejna t-tfal tagħna jinqabdu fihom. 

Ilkoll nafu li din mhux xi ħaġa impossibbli jew li qed inkabbru l-affarijiet għaliex smajna b’każijiet ta’ tfal li ppruvaw jikkommettu suwiċidji. Bil-kelma tfal qed niġbor tfal ta’ kull età. Ibni li għandu 26 sena huwa xorta t-tifel tiegħi u li ġenitur jidfen lil ibnu jew bintu, hija weġgħa li ħadd ma jista’ jfisser jekk ma jgħaddix minnha. Jekk dan jiġri, ikun ifisser li ntbaħna tard wisq għax dak li sar jew intilef ma jistax jinbidel. 

Imma nistgħu nwaqqfu dan milli jiġri. Billi nkomplu l-konverżazzjoni bla riservi fuq is-suġġett. Billi nkomplu naqsmu l-istejjer tagħna, u nkissru l-istigma. Dan billi noħolqu spazju sigur għad-diskussjoni, diskussjoni libera biex it-tfal tagħna jiġu għandna meta jkollhom bżonn l-għajnuna. Għandna nuruhom li mhumiex waħedhom u li dejjem hemm xi ħadd li jitkellem magħhom.

Is-saħħa mentali tinkludi l-benesseri emozzjonali, psikoloġiku u soċjali tagħna li jidher permezz ta’ kif naħsbu, inħossu u nġibu ruħna. Iżda huwa importanti li wieħed jinnota li s-saħħa mentali hija kostruzzjoni fluwida, mhux definizzjoni binarja (li timxi f’linja diretta) sempliċi li tindika n-nuqqas ta’ mard mentali.

Is-saħħa mentali hija terminu wiesgħa li jinvolvi ħafna affarijiet differenti. Pereżempju, jista’ jinkludi affarijiet bħal: Kif inlaħħqu mal-istress, kemm aħna kapaċi nirrelataw ma’ oħrajn, kemm jekk aħna kapaċi nilħqu l-għanijiet u l-aspirazzjonijiet tagħna jew le, kemm aħna reżiljenti quddiem l-avversità u kemm lesti naċċettaw sitwazzjoni li tkun ġiet fuqna għall-għarrieda, bħal mard etc.

Fil-qosor, is-saħħa mentali hija miżura tal-benesseri ġenerali tagħna. U bħas-saħħa fiżika, tvarja matul ħajjitna.

Meta s-saħħa mentali tiegħek tkun pożittiva, tkun aktar produttiv, tħossok li għandek skop, u tlaħħaq aħjar mal-pressjoni.

Iżda fuq in-naħa opposta, is-saħħa mentali negattiva tista’ twassal għal problemi serji u debilitanti. Is-sinjali huma ċari biss għal min irid jarhom u aħna għandna obbligu li naqbduhom fi stadju bikri fit-tfal, qraba jew ħbieb tagħna. Is-sinjali jkunu hemm, mhux dejjem narawhom ħabba l-ħajja mifxula li ngħixu. 

Dawn jistgħu jkunu:

– Mudelli ta’ rqad irregolari, jew wisq jew ftit wisq,

– Li ma jkunux involuti f’attivitajiet tas-soltu

– Li jkollok enerġija baxxa ħafna

– Għajjat jew ġlied aktar mal-familja u l-ħbieb

– Tibdil sever fil-burdata li jikkawża kwistjonijiet fir-relazzjonijiet

– Tħossok konfuż, tinsa, irrabjat, imdejjaq, inkwetat, jew beżgħana

Għalina huwa aktar faċli li ninnutaw bidliet fl-ambjent tagħna. Dan għaliex l-imħuħ tagħna evolvew biex jiskopru perikli estremi, mhux bidliet żgħar f’attitudni ta’ persuni.

Pereżempju, jekk tkun miexi fit-triq u tisma hoss ġej minn warajk, issir aktar attent u jkollok sens akbar ta’ periklu. Ma jimpurtax jekk fil-fatt hemmx vettura tinstaq b’mod normali u tajjeb jew le. Xorta tieqaf u tosserva. Moħħok xorta jibgħat is-sinjal tal-allarm għax huwa aħjar li tkun sigur milli jiddispjaċinik li ħallejt kollox għaddej.

Madankollu, jekk tkun fuq dik l-istess mixja, ħafna drabi ma tindunax b’tibdil żgħir, bħal dar li lbieraħ kienet hemm u illum le. Dan għaliex li dar taqa’ hija bidla li drajna naraw u mhux xi ħaġa li smajta għall-ewwel darba dak il-ħin, bħal karozza warajk li daqqitlek il-ħorn. Jekk flok 20 residenza hemm 19, l-ambjent tal-madwar ftit inbidel u mhux l-istess bħal sitwazzjoni estrema momentarja. Allura d-dar imwaqqa’ ma jiġġustifikax l-attenzjoni tiegħek. Bidliet żgħar bħal dawn f’kuntest ta’ saħħa mentali jistgħu ma jiġux innutati għal snin jew saħansitra għexieren ta’ snin.

U dawn is-sinjali ta’ twissija bikrija jidhru bħal dawk is-sintomi tal-pubertà. Huwa għalhekk li tant ġenituri jitilfu dak li jkun għaddej.Għax mhux dejjem nafu għal xiex għandek toqgħod attent, is-sinjali żgħar ta’ twissija huma sottili, u għax nistgħu nispjegawhom b’ċirkostanzi beninni oħra, nitilfuhom.Imma anke jekk taraha ġejja, x’tagħmel dwarha?

Jekk m’għandek l-ebda mod kif tirrelata u m’għandek l-ebda esperjenza tiegħek, tkun iebsa biex tgħin lil xi ħadd.

Tajjeb wieħed jesplora u jkun jaf ftit kundizzjonijiet li jistgħu jaffettwaw is-saħħa mentali komuni mill-perspettiva ta’ dawk li jesperjenzawh. Fost l-aktar komuni hija l-istress u l-ansjetà.

Kif tħoss l-ansjetà

L-ansjetà timmanifesta’ ruha b’ mod li qed tistenna kontinwament, li ħajtek se tinbidel minn ħin għall-ieħor imma la taf kif u lanqas meta huwa dak is-sentiment ta’ kultant biża’ minn dak li ġej għalik. Nies hekk, ikunu tant megħluba bl-inkwiet u l-biża’ li għalihom tkun impossibbli li jiffukaw fuq xi ħaġa oħra.

L-ansjetà hija aktar milli sempliċement tkun ftit nervuża qabel preżentazzjoni kbira jew okkażjoni li persuna jkun qed jistenna. Anzi, kważi għal xi ħadd b’ansjetà, dak is-sentiment kważi qatt ma jintlaħaq. Taħbit tal-qalb mgħaġġel, għafis fuq is-sider u aptit ta’ biki (bħala sors ta’ wens) huma mill-aktar manifestati. U f’dawn il-mumenti, dawn in-nies, ikunu jridu kompassjoni u xi ħadd li jisma’ bla ma jistaqsi wisq mistoqsijiet. 

Ħafna minna esperjenzaw dan it-tip ta’ sensazzjoni qabel xi attività, eżami, interview għal xogħol etċ. Oħrajn imqar jaraw tnejn minn nies resqin lejhom, li s-soltu ma jkunux jiltaqgħu magħhom, ukoll iħossu dan is-sentiment. Filfatt, kultant iżossuhom neżlin garigor b’ ġibda qawwija l-isfel, fejn l-aptit ikun li jinġabru f’ kantuniera, kokka u jagħnqu lilhom infushom bħala wens. Huwa hawn fejn il-moħħ forsi jilgħab logħbiet perikolużi għall-aħħar u fejn dawn għandhom bżonn min jurihom li hemm xi ħadd għalihom.

Dak hu li jgħixu miegħu n-nies bl-ansjetà. Huwa kostanti.

Wieħed irid joqgħod attent għal kliem li forsi kultant ħieli ngħidu aħna wkoll imma meta jgżiduh persuni li jkollhom problema, is-sinifikat ikun ferm u fermi kbar. Kliem bħal: “illum m’jien xejn sewwa”, “Ma jiġini xejn tajjeb”, “Għajjejt ngħix”, “Ma nista’ nsib l-ebda serħan” jew “Għalija m’hemmx tama”. Kultant iżda, is-skiet ukoll ikun qed jgħid ħafna aktar milli jistgħu ifissru l-kelmiet.

Taħseb li taf lil xi ħadd b’ansjetà?

Irridu nifhmu li l-mod ta’ ħsieb ta’ dawn in-nies huwa differenti u allura jirrikjedi kultant anki livelli ta’ paċenzja differenti. Livelli ta’ stress li għalina huma normali u maniġġjabli, għalihom huma xi ħaġa fermi kbar. Ir-rispons tagħhom ukoll huwa differenti. U dan irridu nkunu konxji għalih u mhux nibqgħu indifferenti.  

Hija sistema ta’ allarm attiva żżejjed. U bħal detector tad-duħħan li jitlaq meta ma jkunx hemm nar, disturb ta’ ansjetà jista’ jagħmel il-ħajja pjuttost insapportabbli.

Hemm ħafna tipi differenti ta’ disturbi ta’ ansjetà, iżda kollha kemm huma jaqsmu ħaġa waħda komuni: biża’ eċċessiva jew inkwiet f’sitwazzjonijiet fejn ħafna nies oħra ma jħossuhomx mhedda.

Irridu nuru paċenzja. Nistaqsuhom biex jippruvaw jispjegaw il-ħsibijiet tagħhom sabiex inkunu nistgħu nifhmu. Billi nippruvaw nifhmu nkunu nistgħu nkunu f’sitwazzjoni aħjar sabiex nagħtuhom lura is-sens ta’ kontroll. 

Aħna Jimpurtana

Dak li assistejna għalih fl-aħħar jiem, ixxokkja lil kulħadd u rriflettejt ħafna fuq dak li l-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali qed tagħmel għall-ħaddiema u membri eletti fil-Kunsilli Lokali tagħna. 

Dan hekk kif f’Marzu ta’ din is-sena, ġie mniedi servizz ta’ ‘counselling b’xejn għal dawk kollha li jkunu għaddejjin minn xi problema jew oħra, fuq livell personali. Qafas li qed jagħti wens, kenn u għajuna lil dawk li forsi għandhom problema ta’ separazzjoni, sitwazzjoni ta’ kundizzjoni medika mhux mistennija, telf ta’ xi ġenitur, jew wild, ċaħda mit-tfal minħabba proċeduri legali etc. Dawn huma sitwazzjonijiet li jiġru lill-kulhadd, anki dawk fost l-aktar nies meqjusa ‘normali’. 

Għax x’inhu normali? Mhux kulħadd jista’ jkun għaddej minn xi sitwazzjoni jew oħra minn dawk li għadni kemm semmejt? Mhux kulħadd esperjenza xi qarib jew ħabib li sab tali diffikultajiet f’xi episodju ta’ ħajtu? U kif qed nittrattaw f’ċirkostanzi bħal dawn?

Għalhekk nemmen li dan il-proġett, huwa ta’ għajnuna kbira mhux biss biex dak li jkun jerġa’ jsib stabbilità f’ħajtu imma wkoll sabiex ikollu l-għodda meħtiega u l-għarfien ta’ kif jikkomporta ruħu anki waqt ix-xogħol. 

Li ma rridux ninsew huwa li kull ħajja tgħodd. Irridu naħdmu mhux biss biex nipprevjenu attentati ta’ suwiċidju iżda wkoll li naħdmu biex min jinsab f’xi problema, ngħinuh ikollu kwalità ta’ ħajja tajba u mhux kemm kemm qed jeżisti.

Dan huwa l-obbligu tagħna lkoll, mhux biss bħala komunità u pajjiż li jimpurtana imma wkoll għaliex dak li llum nistgħu nitkażaw bih, għada jista’ jkun fuqna. Għax mis-sema ‘l isfel, kulħadd l-istess!.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport