“L-ewwel ħaġa jien xettiku dwar kif se jirnexxielhom jinfurzaw din il-liġi għax naħseb li huwa diffiċli ħafna biex fir-realtà jinfurzawha. It-tieni, jekk jirnexxielhom, dan ikun pass tajjeb ħafna.” Dan huwa l-ħsieb ta’ ġuvni ta’ 19-il sena li tkellem ma’ dan is-sit dwar il-liġi ġdida fl-Awstralja li biha mis-sena d-dieħla, tfal u adoloxxenti taħt is-16-il sena mhux se jkollhom aktar aċċess għall-midja soċjali.
Dan il-pass mill-Gvern Awstraljan huwa bbażat fuq inkjesta li fiha tkellmu ġenituri li l-midja soċjali gidmithom fil-laħam il-ħaj hekk kif uliedhom esperjenzaw ibbuljar li wassal għal self harm, jiġifieri weġġgħu lilhom infushom. Il-ħsara li ssir minn użu eċċessiv u mhux superviżjonat fuq tfal u adoloxxenti mhuwiex biss esperjenzat u kkonfermat mill-vittmi u l-familji tagħhom imma wkoll minn diversi riċerki u studji.
“It-tfal faċilment jigdbu u jinħbew…”
Min-naħa tiegħu dan il-ġuvni Malti, li huwa stess tela’ fl-era tal-midja soċjali u allura jaf, qalilna li jaqbel kompletament ma’ din il-liġi. Saħansitra jittama li pajjiżi oħra, inkluż Malta, jieħdu dan il-pass. Imma, żied li, “it-tfal faċilment jigdbu u jinħbew ‘il bogħod minn għajnejn il-ġenituri jew gwardjani ħalli xorta waħda jiksbu aċċess għall-midja soċjali”.
Insista li, “hemm ħafna predaturi u pedofeli fuq il-midja soċjali u barra minnhekk l-ambjent fiha huwa stramb ħafna. Fil-fatt dan l-ambjent jista’ jħalli effetti negattivi fuq l-imħuħ li jkunu għadhom qegħdin jiżviluppaw bħalma huma dawk tat-tfal u tal-adoloxxenti. Għadna lanqas nafu bl-effetti kollha li jista’ jkun hemm”.
Huwa li kellu aċċess għall-midja soċjali meta kien iżgħar staqsejnih x’kien jagħmel kieku ma ngħatax dan iċ-ċans. Fir-rigward stqarr li, “żgur li kieku kont inkun aħjar. M’hemm xejn x’titlef jekk ikollok l-aċċess għall-midja soċjali meta tagħlaq is-16-il sena. Għadek żgħir. Kważi anke żgħir wisq ta’ 16-il sena imma, almenu, mhux tfal żgħar. Dan b’mod speċjali għall-bniet għax il-periklu għas-subien huwa ftit inqas u mhux daqshekk gravi”.
Predaturi, modi perikolużi u ħsara fil-perċezzjoni personali u tad-dinja reali
Min-naħa tiegħu spjega li l-midja soċjali tista’ verament taffettwa l-istima personali ta’ dak li jkun, kif jara d-dinja fejn iġġielek temmen li l-affarijiet superfiċjali huma l-aktar importanti, kif ukoll minħabba li hija, litteralment, sistema fejn tagħmel affarijiet biex iġġib il-“likes”.
Elabora li, “il-midja soċjali hija bħas-soċjetà imma hija online. Meta n-nies jarawk tagħmel ċertu affarijiet, tieħu gost li jsegwuk u jkollhom reazzjoni pożittiva b’għafsa ta’ buttuna. Anke dawn il-modi stupidi fosthom li jibilgħu s-sapun tal-ħasil tal-ħwejjeġ (tabs) huma perikolużi ħafna. Din kienet moda popolari xi seba’ jew ħames snin ilu u kienet qiegħda toqtol lit-tfal. Meta tifel ta’ 13-il sena jara lil xi ħadd jiekol tab tas-sapun, dan jikkuppjah”.
Min-naħa tiegħu huwa qajjem għarfien li t-tfal u l-minuri faċilment jiġu influwenzati ħażin mill-midja soċjali. “Mhuwiex faċli li tissuperviżjonahom il-ħin kollu għax jafu jaraw ċerti affarijiet meta ma jkunux id-dar. Dan mhux bħal meta jkollok tifel żgħir u jmur fil-pjażża fejn ikun ħames adoloxxenti li qegħdin jagħmlu xi ħaġa stupida li biha jistgħu jweġġgħu. Hawn in-nies jarawk u jwaqqfuk imma, fuq il-midja soċjali huma waħidhom f’ambjent perikoluż ħafna,” temm iwissi dan il-ġuvni.