Saturday, December 21, 2024

“Nedejna dan il-proġett għax nemmnu li se nagħmlu dak kollu possibli sabiex t-tfajliet u n-nisa jitgħallmu iktar fuq saħħithom”

Proġett pilota : mad-900 studenta se jibbenifikaw minn prodotti mestruwali b'xejn fl-iskejjel

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

“L-edukazzjoni hija ċ-ċavetta għal kollox u kien għalhekk li nedejna dan il-proġett pilot fi tliet skejjel madwar Malta u Għawdex għax nemmnu bis-sħiħ illi b’dan il-mod se nkunu qegħdin nagħmlu dak kollu possibli sabiex in-nisa u l-bniet li jkunu għaddejjin minn dan il-proċess naturali, ngħallmuhom aktar dwar is-saħħa, dwar l-effetti li jkollu l-period”.

Dan kien il-kumment li tat is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg lil dan is-sit, hekk kif propju waqt konferenza varat il-proġett pilota fi tliet skejjel, tnejn tal-Istat u waħda tal-Knisja, li permezz tagħha l-istudenti bniet ser ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom mingħajr ħlas prodotti menstruwali.

Rebecca Buttigieg spjegat lil dan is-sit li hi temmen bis-sħiħ fl-iskop ta’ dan il-proġett hu li jixxejjen l-istigma relatata mal-menstruwazzjoni. Mira oħra ta’ dan il-proġett hu li jittaffew l-ispejjeż finanzarji minħabba li dawn il-prodotti essenzjali tan-nisa jqumu l-flus. Dwar it-tagħlim innifsu f’dan ir-rigward, is-Segretarju Parlamentari spjegat li huwa essenzajli sabiex il-bniet ta’ għada jkunu iktar mgħammra biex ikunu jistgħu jagħmlu deċiżjonijiet għal ħajjithom.

Irrimarkat li propju għalhekk beda dan il-proġett pilota sabiex flimkien mal-istudenti u mal-għalliema ikun żgurat li qed isir sforz biżżejjed. Qalet ukoll; “Filwaqt li l-għalliema diġa’ qed jagħmlu biċċa xogħol tajba, dejjem hemm lok għal iktar titjib u għarfien, speċjalment fuq is-saħħa tan-nisa, biex jiġi assigurat li kull mara tkun taf dak li għaddejja minnu u anke tfittex l-għajnuna meta meħtieġ”.

Fit-tnedija ta’ din l-inizjattiva fl-Iskola Sekondarja Santa Monika f’Birkirkara, is-Segretarju Parlamentari Buttigieg qalet li dan il-proġett qiegħed isir ukoll fl-Iskola Sekondarja tal-Kulleġġ Maria Reġina fil-Mosta u fl-Iskola Medja tal-Kulleġġ ta’ Għawdex, u eventwalment irid jinfirex fl-iskejjel medji u sekondarji kollha.

Il-mira ta’ dan il-proġett huwa li jnaqqas l-istigma marbuta ma’ proċess naturali li tgħaddi minnu kull mara f’ħajjitha, waqt li ser itejjeb l-iġjene tal-istudenti fl-iskejjel. B’hekk huwa immirat li jonqos l-assentejiżmu tal-istudenti bniet filwaqt li ser itaffi wkoll il-piż finanzjarju tal-familji għax-xiri ta’ dawn il-prodotti essenzjali. L-istudenti bniet ser ikunu jistgħu jużaw żewġ tipi ta’ prodotti menstruwali li ser ikunu disponibbli minn tliet magni apposta li ġew installati fl-iskejjel.

Is-Segretarju Parlamentari qalet li matul din is-sena skolastika, ser ikunu mistħarrġa r-riżultati ta’ dan il-proġett pilota bl-iskop li mis-sena skolastika li jmiss, din l-inizjattiva tkun tista’ titwettaq fl-iskejjel medji u sekondarji kollha. Buttigieg irringrazzjat fost oħrajn lill-kapijiet tal-iskejjel li kkoperaw biex jitwettaq dan il-proġett u lid-Direttorat tal-Drittijiet tal-Bniedem għax-xogħol li wettaq u li għad irid iwettaq biex dan il-proġett jilħaq l-iskop tiegħu inkluż bil-kampanja ta’ għarfien biex tixxejjen l-istigma marbuta mal-period filwaqt li jiġi assigurat li l-bniet ikollhom l-għodda meħtieġa biex ikunu jafu aktar dwar proċess li jaffettwalhom saħħithom.

Ekonomija

Sport