Sunday, December 22, 2024

Nemmen li s-sigriet wara s-sucċċess ta’ Melita kienet l-għaqda tat-tim speċjalment fil-mumenti l-ħziena – Nick Cutajar

Aqra wkoll

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Minn meta kont żgħir, irrispettivament fejn kont inkun, dejjem kont nipprova nilgħab il-futbol. Bdejt nipprattika il-futbol mal-Melita minn meta kelli erba’ snin u komplejt minn hemm. Minn dak iż-żmien s’issa nista’ ngħid li l-futbol huwa l-iktar ħaġa li nieħu gost nagħmel u ċert li qatt m’jien se nixba minnu.

X’tahseb li kien is-sigriet wara s-suċċess li ksibtu meta sirtu champions taċ-Challenge League u ksibtu l-promozzjoni għall-Kampjonat Premier?

Minbarra l-kwalita’ tal-plejers individwali, kemm tal-Maltin, kif ukoll tal-barranin, nemmen li s-sigriet wara s-sucċċess ta’ din is-sena kienet l-għaqda tat-tim kemm fit-tajjeb, imma speċjalment fil-mumenti l-ħziena. Il-fatt li qatt ma kellna żewġ riżultati negattivi wara xulxin jurik li meta kellna dawk il-mumenti l-ħziena, dejjem bqajna magħqudin biex noħorgu minn dawk il-mumenti.

X’tikkummenta fuq il-kowċ ta’ Melita FC, Clive Mizzi?

Il-kowċ Clive Mizzi huwa kowċ ippreparat u ddedikat ħafna u bħala plejer din tgħinek meta tinżel għal-logħob għaliex ħafna mid-drabi tkun taf xi jkun se jiġri. Apparti minn hekk Clive huwa persuna onesta u ġenwin ħafna, u li meta jkollu jgħidlek xi ħaġa ma tantx iżomm lura. Ċert li ħafna mis- suċċess li ksibna dis-sena huwa grazzi għalih għaliex dejjem żammna motivati tul l-istaġun kollu.

U fuq il-kumitat ta’ Melita mmexxi mill-president Matthew Naudi?

Il-kumitat mmexxi mill-president Matthew Naudi għamlu xogħol tajjeb ħafna dis-sena u ninsab ċert li dan ix-xogħol tajjeb ha jkomplu jibnu fuqu s-sena d-dieħla. Filwaqt li ħadmu u qed jaħdmu sabiex il-klabb imur ‘il quddiem, dejjem żammu il-valuri tal-klabb f’moħħhom, ħaġa li ma tantx issib fi klabbs oħrajn hawn Malta.

Taqbel li hemm differenza ta’ livell bejn it-timijiet ta’ fuq u dawk ta’ taħt fiċ-Challenge League?

Naħseb li filwaqt li dejjem ikun hemm ċertu differenza bejn it-timijiet ta’ fuq u dawk ta’ taħt f’kwalunkwe kampjonat, dis-sena l-kampjonat kien ibbilanċjat ħafna. Fil-fatt għalkemm ksibna il- promozzjoni b’erba’ logħbiet żejda, il-kampjonat intrebaħ fil-logħba ta’ qabel tal-aħħar u din turik li ma kienx hemm tim li ma waqqax punti tul l-istaġun kollu.

Taħseb li l-barranin li qed jiġu mhux dejjem qed ikunu ta’ livell ikkomparati mal-plejers Maltin?

Iva, naħseb li xi drabi l-barranin li qed jiġu hawn Malta mhux qed ikunu ta’ livell ikkomparati mal- plejers Maltin. Pero’ naħseb li dan huwa normali għaliex f’pajjiżi oħrajn din tiġri wkoll. Il-problema hija meta l-plejers Maltin jispiċċaw ma jsibux post fl-ogħla livell lokali għaliex din mingħajr dubju ha taffettwa it-tim nazzjonali wkoll.

Kemm int kuntent bil-grawnds fejn tilagħbu l-logħob taċ-Challenge League?

Nemmen li l-grawnds fejn jintlagħbu l-logħob taċ-Challenge League mhumiex addattati għall-livell daqshekk viċin tal-Premier. Filwaqt li konxju tal-fatt li ma tantx għandna spazju biex nibnu grawnds, nemmen ukoll li xi ħaġa jrid isir għax ħafna plejers qed iweġġgħu minħabba in-nuqqas ta’ kwalita’ ta’ dawn il-grawnds.

X’taħseb dwar il-kontroll tar-referis fiċ-Challenge League?

Nemmen li l-kontroll tar-referis fiċ-Challenge League kif ukoll fil-futbol Malti dejjem qed jitjieb, kemm fil-każ tar-referis Maltin kif ukoll il-barranin li qegħdin dejjem jiżdiedu.

Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol tiegħek u mal-futbol?

Bħalissa għadni nistudja l-Universitá ta’ Malta imma nemmen li anke la nibda naħdem l-iktar ħaġa importanti huwa li tagħmel ħin għall-affarijiet li għalik huma importanti. Sfortunatament, meta plejers ikollhom it-taħriġ kif ukoll xogħol ieħor, mingħajr ma jridu, dawn jispiċċaw ma jsibux ħin għall-affarijiet oħrajn li jħobbu jagħmlu. Fl-aħħar mill-aħħar din hija l-ħajja ta’ kull atleta li jrid jagħmel karriera mill-isport tiegħu hawn Malta.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Bħalissa ninsab eċċitat ħafna li ħa nilgħab l-istaġun li jmiss fl-ogħla livell tal-futbol Malti mal-klabb li huwa tant għal qalbi. Filwaqt li l-pjan huwa li nagħmel karriera fil-futbol, dejjem neħodha ġurnata b’ġurnata w dejjem nfakkar lili nnifsi kemm jien iffortunat li nista’ nilgħab dan l-isport għaliex naf li mhux dejjem ha nkun nista’.

Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera fil-futbol.

It-tfal dejjem iridu jżommu f’moħħom ħaġa waħda. Din hija li jiġri x’jiġri, għandhom dejjem ikomplu jaħdmu. Meta jkunu għaddejjin minn mumenti tajbin tul il-karriera tagħhom għandom xorta jkomplu jaħdmu u jżommu saqajhom mal-art. Filwaqt li meta jkunu għaddejjin minn mumenti diffiċli għandom jaħdmu iktar minn qabel u jiftakru li dawn il-mumenti jgħaddu. Apparti minn hekk, huwa importanti li dawn it-tfal li jridu karriera fil-futbol ma jisiimgħux minn dawk in-nies li jgħidulom li ma jistgħux jirnexxu. Nemmen li dawn iz-żewġ affarijiet huma l-iktar affarijiet importanti għal dawn iż-żgħazagħ!

Ekonomija

Sport