Wednesday, April 15, 2026

Ngħiduha kif inhi

Minn Opinjonista

Aqra wkoll

Il-politika hija dwar għażliet li jridu jsiru u deċiżjonijiet li jridu jittieħdu. Hija proċess ta’ proposti, alternattivi, ideat, viżjoni u ħila biex jitwettqu l-affarijiet li jkunu meħtieġa li jridu jsiru.

Meta n-nies tiġi biex tagħżel tħares lejn bosta affarijiet qabel tagħmel l-għażla tagħħa. L-ewwel nett, in-nies tħares lejn dak li qed jiġi propost. Tagħrbel dak li jkun qed jissemma’ u tiżen kemm dak li qed jitressaq ‘l quddiem huwa fattibbli u kemm min qed jagħmel il-proposti għandu kredibbiltà dwar dak li qed jipproponi.

In-nies tagħrbel il-kompetenza ta’ min qed iressaq il-proposti. Mhux li twiegħed jgħodd imma li dak li twiegħed tkun taf kif se twettqu u fit-tmexxija tal-pajjiż ikun hemm nies kompetenti li jwettqu dak li jiġi mwiegħed.

Kredibilità

Il-Prim Ministru Robert Abela fl-aħħar ġimgħat ħabbar li l-gvern Laburista immexxi minnu wettaq 82% tal-proposti imressqa fil-programm elettorali Malta Flimkien. Programm li ġie ppreżentat mill-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni ġenerali. Din iċ-ċifra turi l-ewwel nett kemm huwa b’saħħtu l-impenn tal-gvern Laburista li jwettaq dak li jkun wiegħed fl-elezzjoni ġenerali.

It-tieni, din iċ-ċifra turi li dak li ġie mwiegħed ma kienx lista ta’ wegħdi li ma jsarrfu xejn imma kien qafas ta’ pjan ta’ ħidma tal-gvern li kien sostnut b’mezzi ċari kif se jiġu mwettqa. Minkejja d-diffikultajiet li ffaċċja l-gvern, xorta żamm mal-impenn li ħa li jitwettqu l-proposti tal-programm elettorali.

It-tielet ħaġa li turi din iċ-ċifra hija l-kredibiltà li jġawdi l-Partit Laburista fejn jidħlu l-proposti elettorali. Il-gvern Laburista sa mill-elezzjoni tal-2013 s’issa dejjem ħaddem mekkaniżmu biex jara li l-proposti elettorali jiġu mwettqa. Dan mhux proċess burokratiku imma proċess ta’ impenn li dak li jiġi imwiegħed jitwettaq u b’hekk in-nies jafu, li dak li jwiegħed il-Partit Laburista f’elezzjoni ġenerali se jkun qed jitwettaq jekk igawdi l-appoġġ tan-nies.

Ikompli is-suċċess

Malta kisbet ċertifikat eċċellenti ieħor mill-aġenzija tal-krediitu internazzjonali DBRS. Ċertifikat li l-ekonomija ta’ pajjiżna minkejja l-isfidi internazzjonali se tkompli timxi ‘l quddiem. Il-credit rating A (high) li kisbet Malta huwa suċċess kbir u mezz kif pajjiżna jibqa’ jattira aktar investiment. It-tkabbir li ġie reġistrat is-sena li għaddiet ta’ 4% huwa wieħed b’saħħtu ħafna.

Minkejja dak li jingħad minn esponenti tal-Oppożizzjoni, l-aġenżiji indipendenti u internazzjonali jagħtu lil pajjiżna ċertifikati pożittivi dwar it-tmexxija ta’ Malta. Jindikaw li l-formola li qed tintuża fit-tmexxija ekonomika ta’ pajjiżna hija waħda li qed tagħti riżultati mill-aqwa. Id-diskussjoni dwar it-tmexxija ekonomika mijhiex dwar min ikun kapaċi imaqdar jew jieħu kull opportunitàdbiex jitkellem kontra Malta imma hija dwar kif se nkomplu insaħħu d-deċiżjonijiet li jittieħdu biex nagħmlu aktar suċċess.

Ir-rapport li nħareġ minn DBRS jiġbed l-attenżjoni dwar riskji li qed ikomplu jinħolqu fid-dawl tal-kiriżi internazzjonali preżenti partikolarment dwar il-pressjoni li tista’ tkompli tinħoloq fuq il-prezz tal-enerġija li jaf ikollu impatt fit-tul. Huwa ċar li t-tisħiħ u t-tkabbir tal-attività ekonomika f’pajjiżna hija risposta importati ħafna biex nibqgħu inwieġbu għall-isfidi tal-lum u t’għada.

Adrian Delia u d-dejn

Il-kelliem tal-finanżi tal-PN Adrian Delia weħel ma’ diska li ilu jirrepeti għal dawn l-aħħar ġimgħat. Diska li issa nbarxet sewwa imma li tindika in-nuqqas ta’ ħila fit-tmexxija finanzjarja. Delia qed jibqa’ jirrepeti l-idea żbaljata li pajjiżna għandu kriżi fid-dejn nazzjonali. Iċ-ċifri u analiżi ekonomika juru mod differenti. L-ewwel nett, huwa żbaljat Delia meta jitkellem dwar id-dejn nazzjonali mingħajr ma jħares lejn id-dejn meta mqabbel mal-prodott gross domestiku (debt to gdp ratio). Ir-regoli Ewropej jagħtu parametri mhux dwar l-ammont tad-dejn iżda dwar kemm huwa l-piż tad-dejn fuq l-ekonomija.

Ir-riżultati ekonomiċi ta’ pajjiżna ċekknu il-piż tad-dejn għaliex l-ekonomija kibret b’rata b’saħħitha. Ta min ifakkar li l-ogħla rata tal-piż tad-dejn ta’pajjiżna kien lura fi żmien il-gvern Nazzjonalista fl-2004 meta id-dejn kien 71.2% tal-GDP. Jekk wieħed jara l-istatistika tal-aħħar 13-il sena dan il-perċentwal niżel u bħalissa huwa taħt il-50%.

Minkejja li huwa żbaljat u l-ekonomisti kollha jaqblu li Delia żbaljat, xorta waħda jibqa’ jirrepeti l-istess diska. In-nies qed tinnota u qed tagħraf bejn il-kliem fieragħ u r-riżultati konkreti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport