Wednesday, January 1, 2025

Ningħaqdu flimkien biex nibqgħu ngawdu l-kwalità tal-ħajja f’pajjiżna – il-President tal-GWU Victor Carachi fil-messaġġ għall-Ewwel tas-Sena

Aqra wkoll

Dħalna fis-sena 2025 – sena li matulha lkoll flimkien, mill-kbir saż-żgħir, mill-ogħla awtoritajiet sal-inqas wieħed fostna, jeħtieġ ningħaqdu flimkien u niffokaw fuq il-viżjoni li Malta qed taħdem fuqha, viżjoni ġdida għal Malta – Kwalità Malta 2050. Nippjanaw miri speċifiċi li jiġu implimentati pass pass, għal kwalità ta’ ħajja aħjar minn kull aspett.

Din il-viżjoni u pjan strateġiku ħolistiku għal pajjiżna, kif diġà sħaqna kemm ‘il darba bħala trejdunjin, il-General Workers’ Union, sa lura mill-2008, se tkun strument li se jgħaqqadna bħala pajjiż. Viżjoni li se toffri xogħol ta’ kwalità u kundizzjonijiet ta’ xogħol mill-aqwa li jwasslu għal mobbilità soċjali għal kulħadd.

L-isfidi jinbidlu minn żmien għal żmien u għalhekk tajjeb li flimkien, sħab soċjali, partiti politiċi kif ukoll kull ċittadin, naħdmu magħqudin fuq pjan ħolistiku biex nibdew nilqgħu u nantiċipaw ċerti problemi u sfidi u naħdmu flimkien għal futur aħjar għalina u għal uliedna u ulied uliedna.

Permezz ta’ din il-viżjoni ħolistika u pjan strateġiku se nkomplu ntejbu l-ekonomija tagħna, iżda mhux biss. Hemm bżonn ukoll li ntejbu l-ambjent, is-saħħa, l-edukazzjoni, it-trasport, eċċ. Jeħtieġ li nħarsu lejn mudelli oħra ta’ xogħol, bħal per eżempju filwaqt li ħaddiema barranin ikunu qegħdin jingħaqdu ma’ kumpaniji f’Malta, xorta waħda jaħdmu minn pajjiżhom, grazzi għall-avvanzi fit-teknoloġija. Hekk kif naqblu u nemmnu li pajjiżna ma jistax jibqa’ għaddej b’aktar bini mhux sostenibbli u li jkerrah l-ambjent.

Hekk kif huwa importanti li ma jonqosx l-introjtu f’pajjiżna biex l-ekonomija tibqa’ tiġġenera l-ġid għal kulħadd. Bi ħsieb u ħidma nintegraw lill-barranin f’pajjiżna għall-ġid tagħhom u tagħna, filwaqt li nippjanaw u naħdmu biex ikollna l-ħaddiema neċessarji għall-bżonnijiet speċifiċi tal-pajjiż.

Tajjeb li wieħed jistaqsi f’każ li l-ħaddiema barranin f’pajjiżna jonqsu mingħajr ippjanar x’impatt se jkollna fuqna? Minbarra li jkun hawn problema biex jinstabu l-ħaddiema għal ċerti xogħlijiet, il-Gvern mhux se jkun jista’ jibqa’ joffri ċerti miżuri bħal child care b’xejn, sussidji fuq id-dawl u l-ilma, trasport pubbliku b’xejn u ħafna aktar. Biżżejjed wieħed iħares lejn pajjiżi fl-Ewropa fejn hemm riċessjoni kbira, filwaqt li pajjiżna miexi tajjeb.

Kif ilna nisħqu bħala General Workers’ Union, b’viżjoni u ppjanar fit-tul, permezz ta’ miżuri li joffrulna stabbilità u benessere, u mhux b’deċiżjonijiet mgħaġġla u mingħajr ħsieb, ma nagħtux xokk lill-ekonomija u nibqgħu ngawdu l-kwalità tal-ħajja li għandna llum u forsi anke aħjar.

F’isem l-amministrazzjoni tal-General Workers’ Union nawguralkom sena mimlija saħħa, imħabba u kuntentizza.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport