Thursday, March 28, 2024

Ninsab ferm kuntent li qiegħed Malta speċjalment minħabba l-fatt li se nkunu qed nitħarrġu f’kundizzjonijiet ideali – Martin Skrtel

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Ftit tal-ħin ilu wasal Malta, id-difensur ċentrali Slovakk Martin Skrtel sabiex jingħaqad ma’ Spartak Trnava li jinsabu għall-kamp ta’ taħriġ fil-gżejjer Maltin bħala parti mit-Tip Sports Malta Cup 2022.  

Skrtel m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni fil-futbol internazzjonali hekk kif lagħab ma’ diversi klabbs rinomati Ewropej fosthom Zenit St Petersburg, Liverpool, Atalanta u Fenerbache. Hu ngħaqad ma’ Spartak Trnava fil-bidu ta’ dan l-istaġun u qed jgħin lit-tim fit-tentattiv li jispiċċaw champions tal-kampjonat Slovakk. Fil-fatt hu diġa’ lagħab 11-il partita mat-team minn Trnava u bħala player jispikka ħafna fil-kwalitajiet difensivi li jħaddan. Mat-tim nazzjonali Slovakk hu lagħab 104 partiti filwaqt li skorja sitt gowls.  

Fl-ewwel kummenti li ta lill-ġurnalisti Maltin u barranin mal-wasla tiegħu f’Malta, Skrtel qal li jinsab ferm kuntent li qiegħed hawnhekk speċjalment minħabba l-fatt li se jkunu qed jitħarrġu f’kundizzjonijiet ideali. Fil-fatt fis-Slovakkja, it-temp hu ferm xitwi, b’temperaturi baxxi u bil-grawnds li mhux f’kundizzjoni li titħarreġ fuqhom. Għall-plejer ta’ 37 sena, din mhux l-ewwel darba li jinsab f’pajjiżna hekk kif diġa’ kellu ċ-ċans jilgħab mat-tim nazzjonali ta’ pajjiżu proprju fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali.  

Mistoqsi dwar Spartak Trnava u ċ-ċansijiet tagħhom li jirbħu l-kampjonat, Skrtel qal li għad fadal ħafna logħbiet x’jintlagħbu u kollox għadu possibbli. Huma jinsabu erba’punti biss bogħod mil-leaders Slovan Bratislava fis-Super Liga Slovakka.  

Spartak Trnava huma wieħed mill-erba’ timijiet li qed jieħdu sehem fit-Tip Sport Malta Cup 2022. S’issa huma lagħabu żewġ partiti fejn wara li rebħu l-ewwel waħda kontra Tirol tal-Awstrija bl-iskor ta’ 2-0, ilbieraħ tilfu 3-2 kontra Sigma Olomuc tar-Repubblika Ċeka filwaqt li nhar it-Tnejn li ġej  jaffrontaw lil Aalborg tad-Danimarka bil-logħba tintlagħab fin-12.30 fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali. 

Ekonomija

Sport