Wednesday, April 24, 2024

“Ma jistax ikun li nibqgħu nisimgħu bi traġedji, stupri u terrur kontinwu fuq nisa u bniet f’pajjiżna”

Aqra wkoll

Organizzazzjonijiet jesprimu r-rabja tagħhom għall-“insensittività u n-nuqqas ta’ għarfienli ntwera dwar il-femiċidju ta’ Dembska

“Wasal iż-żmien ta’ kontabilità serja. Ma jistax ikun li nibqgħu nisimgħu bi traġedji, stupri u terrur kontinwu fuq nisa u bniet f’pajjiżna.”

Hekk qalet id-Direttriċi tal-Women’s Rights Foundation Lara Dimitrijevic fid-diskors tagħha hekk kif hija kienet fost il-kelliema wara li dalgħodu grupp ta’ organizzazzjonijiet mill-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tan-nisa nġabru quddiem il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija ta’ Malta fil-Furjana biex jesprimu r-rabja u l-frustrazzjoni tagħhom lejn l-istqarrija tal-Pulizija li l-aħħar femiċidju li seħħ fil-gżejjer Maltin m’għandux għeruqu fil-ġeneru tal-persuna

Dimitrijevic qalet: ““Għejejna u ġbajna nirrepetu l-istess diskors. Għejejna u ġbajna naraw nuqqas ta’ insensittività mill-awtoritajiet u anke minn ħutna stess. Din l-attitudni ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent minnha kollha dwar l-eżistenza tal-vjolenza fuq in-nisa qed twassal sabiex nisa jiġu maqtula. Mhuwa qatt aċċettabbli li t-tfal jgħixu mingħajr ommhom, li ġenituri, aħwa, ħbieb jgħixu  mingħajr binthom, oħthom jew il-ħabiba tagħhom għax ittieħdet hekk. Għejejna u ġbajna nisimgħu dwar x’sar u kemm baqalna x’nagħmlu. Wasal iż-żmien li l-ħmar jieqaf iwaħħal f’denbu.”

L-organizzazzjonijiet qalu: “L-istqarrija insensittiva u xejn infurmata tal-Pulizija pruvaw jiġġustifikawha bl-argument li qabel il-qtil ta’ Paulina Dembska, l-allegat awtur tar-reat kien attakka żewġt irġiel. Iżda dan ma jfissirx li d-delitt mhuwiex marbut mal-ġeneru. Il-Pulizija sostniet li l-allegat attakkant għandu “identità sesswali pjuttost kumplessa” u b’riżultat ta’ dan attakka persuni bl-addoċċ u irrispettivament mill-ġeneru tagħhom.”

Huwa qalu: “Dan il-femiċidju – fost lista sħiħa ta’ nisa maqtula mill-irġiel – jkompli jirrifletti kemm hi mifruxa l-kultura patrijarkali fis-soċjetà tagħna, soċjetà msejsa fuq sterjotipi tal-ġeneru, sal-punt li din il-kultura tisfa dejjem normalizzata, banalizzata u miċħuda.”

Huma qalu wkoll li għandha tittieħed azzjoni konkreta fl-oqsma kollha tas-soċjetà biex jiġu indirizzati l-isterjotipi, il-misoġinija u l-patrijarkat.

Żiedu jgħidu wkoll li l-vittmi tal-fastidju sesswali, l-attakki sesswali u l-istupru jeħtieġ li jittieħdu b’aktar serjetà u li s-soċjetà trid tieqaf twaħħal fil-vittma. 

L-organizzazzjonijiet parteċipi fid-dimostrazzjoni huma: Moviment Graffitti,  Women’s Rights Foundation, Malta LGBT+ Rights Movement (MGRM), Young Progressive Beings, Doctors for Choice Malta, Integra Foundation, aditus foundation, YMCA Malta, Men Against Violence,  Għajjejt u Xbajt, The Malta Women’s Lobby, Alleanza Kontra l-Faqar, Migrant Women Association Malta u Women for Women Foundation.

Ritratti: Roger Azzopardi

Sport