Minn Cristian Muscat
Sergey Markoch se jibda kapitlu ġdid fil-karriera tiegħu fil-waterpolo wara li nħatar kowċ tat-tim nazzjonali Malti tal-irġiel kif ukoll Direttur Tekniku tal-Aquatic Sports Association of Malta.
Għal Markoch, Malta mhux pajjiż ġdid. Għall-kuntrarju, huwa għandu rabta speċjali mal-Gżejjer Maltin wara l-perjodu ta’ suċċess li kellu ma’ Neptunes, fejn qatta’ ħames snin li għadhom friski fil-memorja tiegħu.
“Malta hija bħat-tieni dar tiegħi,” qal Markoch waqt li tkellem dwar ir-ritorn tiegħu fil-waterpolo Malti. “Kelli ħames snin li ma ninsa qatt ma’ Neptunes. Irbaħna ħames kampjonati u għandi ħafna memorji pożittivi ta’ dak il-perjodu.”
L-eks plejer ta’ livell internazzjonali, li fil-karriera tiegħu rebaħ żewġ midalji Olimpiċi tal-bronż, issa se jkollu r-responsabbiltà li jmexxi lit-tim nazzjonali Malti f’fażi importanti ħafna.
Għalih, din mhijiex biss opportunità professjonali oħra iżda wkoll unur.
“Jien kuntent ħafna li ngħatajt din il-possibbiltà. Għalija huwa unur li nħarreġ lit-tim nazzjonali Malti u li nkun nista’ nipparteċipa ma’ Malta f’kompetizzjonijiet internazzjonali.”
Markoch qal li diġà jara potenzjal fil-waterpolo Malti, partikolarment fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa li qed titla’.
Huwa semma l-wirjiet tat-tim ta’ taħt l-20 sena bħala indikazzjoni li hemm materjal interessanti għall-futur, filwaqt li rrefera wkoll għall-esperjenza u l-kwalità ta’ plejers stabbiliti bħal Stevie Camilleri.
“Rajt potenzjal. It-tim ta’ taħt l-20 sena għamel affarijiet tajbin u hemm plejers li jistgħu jikbru. Għandkom ukoll plejers b’saħħithom u ta’ esperjenza bħal Stevie Camilleri. Irridu naħdmu u mbagħad nieħdu dak li ħaqqna skont ix-xogħol li nkunu għamilna.”
Din se tkun esperjenza ġdida wkoll għal Markoch minħabba li, minkejja l-esperjenza kbira tiegħu fil-waterpolo internazzjonali, din se tkun l-ewwel darba li se jmexxi tim nazzjonali tal-irġiel fil-livell tal-kbar.
“Ħdimt ma’ timijiet nazzjonali u oħrajn taż-żgħażagħ iżda tim nazzjonali tal-irġiel huwa livell differenti. Għalija hija esperjenza ġdida u rrid nagħmel dawn l-ewwel passi bl-enerġija kollha li għandi.”

“Ninsab motivat ħafna. Naf x’nista’ nagħmel u għalija dan huwa proġett interessanti ħafna. Issa qed nistenna li nibda naħdem mal-plejers.”
Meta mistoqsi dwar il-possibbiltà li Malta eventwalment tersaq lejn l-aqwa għaxar nazzjonijiet, Markoch kien kawt u saħaq li l-ewwel irid jara lit-tim jaħdem flimkien.
“Naturalment irridu naslu. Imma l-ewwel irridu nibdew naħdmu u wara nkun f’pożizzjoni aħjar biex ngħid fejn nistgħu naslu. L-ewwel irrid nara t-tim, naħdem mal-plejers u mbagħad nistgħu nitkellmu aktar dwar il-miri tagħna.”
Il-president tal-ASA, Karl Izzo, spjega li l-għażla ta’ Markoch waslet wara proċess twil li fih kien hemm interess qawwi fil-kariga.
“Sergey mhuwiex wiċċ ġdid għalina. Għall-kariga kellna 31 applikant u minn dawn niżżilna l-lista għal ħamsa,” qal Izzo.
Il-president tal-ASA spjega li l-Assoċjazzjoni kienet ilha taħdem biex issib il-persuna ideali għall-proġett, iżda f’ċerti każijiet kien diffiċli li jintlaħaq ftehim minħabba diversi kundizzjonijiet, fosthom dawk finanzjarji.
Imbagħad feġġet l-opportunità ta’ Markoch, li kien għadu kemm temm l-esperjenza tiegħu mat-tim nazzjonali tan-nisa tar-Russja.
“Kellimt lil Sergey. Ilni nafu ħafna u dejjem irrispettajtu. Huwa bniedem kariżmatiku u jaf il-logħba tajjeb ħafna. Fi ftit minuti konna qbilna fuq kollox.”
Markoch mistenni jibda uffiċjalment il-ħidma tiegħu mal-ASA fl-1 ta’ Diċembru, fejn minbarra t-tmexxija tat-tim nazzjonali se jkollu wkoll rwol usa’ bħala Direttur Tekniku.
Izzo ma ħebiex il-fatt li Malta għandha quddiemha sfidi kbar, speċjalment minħabba l-livell tal-avversarji li se tiltaqa’ magħhom.
“L-għan tagħna huwa li nikkwalifikaw. Mhux se tkun faċli. Issa hemm ukoll ir-Russja, hemm il-Ġermanja u nazzjonijiet bħas-Slovakkja, Iżrael, il-Portugall u l-Belarus. Kollha huma timijiet diffiċli.”
Fl-istess waqt, Izzo jemmen li Malta għandha bażi tajba fuqiex tibni. Huwa semma kemm it-tim li rrappreżenta lil Malta f’Belgrad kif ukoll il-ġenerazzjoni ta’ plejers ta’ taħt l-20 sena li għandha tibda tingħata aktar opportunitajiet mat-tim tal-kbar.
“Il-plejers żgħażagħ tat-tim ta’ taħt l-20 sena jridu jibdew isiru parti mit-tim nazzjonali tal-kbar. Irridu noħolqu kontinwità u nagħtu lil dawn il-plejers iċ-ċans li jiżviluppaw.”
Dwar il-mira li Malta xi darba tidħol mal-aqwa għaxar nazzjonijiet, Izzo qal li wieħed irid jimxi pass pass, iżda fl-istess ħin ma jridx ipoġġi limitu fuq dak li jista’ jikseb il-waterpolo Malti.
“Jien noħlom li naslu lil hinn mit-13-il post li wasalna. Ma rridx nagħmel limitazzjonijiet fuq dak li nistgħu niksbu. Jiena konvint li għandna l-materjal biex naslu aktar ’il quddiem.”
L-għażla ta’ Markoch għalhekk timmarka l-bidu ta’ proġett ġdid għall-waterpolo Malti, wieħed li se jipprova jgħaqqad l-esperjenza tal-plejers stabbiliti mat-talent tal-ġenerazzjoni li tielgħa.
Għal Markoch, huwa ritorn f’pajjiż li jaf sew u li jqisu bħala t-tieni dar tiegħu. Din id-darba, iżda, l-isfida se tkun differenti: li juża l-esperjenza kollha tiegħu biex jipprova jmexxi lit-tim nazzjonali Malti għal livell ogħla fix-xena internazzjonali.
U kif sostna hu stess, il-messaġġ inizjali huwa wieħed ċar: “Ninsab motivat, għandi ħafna enerġija u qed nistenna bil-ħerqa biex nibda naħdem.”




