Tuesday, April 23, 2024

Nirien fil-Kanada ta’ theddida għas-saħħa ta’ miljuni ta’ persuni

Aqra wkoll

Miljuni ta’ persuni fl-Amerka ta’ Fuq ġew imwissija minħabba riskji serji fil-kwalità tal-arja minħabba nirien qawwija li ħakmu l-Kanada. In-nirien ksew bliet maġġuri f’Ontario u Quebec, inklużi Toronto u ż-żoni tal-madwar. Ħafna mid-dħaħen ġejjin minn Quebec fejn mal-160 post ġew maħkuma min-nirien.

Id-daħna waslet saħansitra fi New York fejn il-kwalità tal-arja ġiet klassifikata bħala waħda perikoluża għas-saħħa tal-bniedem. 

Filwaqt li f’Ottowa u Toronti l-kwalità tal-arja ġiet klassifikata bħala ta’ riskju għoli, l-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent iklassifikat il-kwalità tal-arja ż-żoni fil-grigal tal-pajjiż bħala ta’ theddida fuq is-saħħa tal-bnedmin, b’mod speċjali dawk li diġà jbatu minn kundizzjonijiet respiratorji.

Fi New York, ritratti meħuda nhar it-Tlieta filgħodu wrew ċpar oranġjo jgħatti l-orizzont tal-belt minħabba d-duħħan tan-nirien mifruxa mill-Kanada li vvjaġġa lejn in-nofsinhar.

L-uffiċjali tas-saħħa pubblika wissew lin-nies biex ma jagħmlux eżerċizzju barra u biex jimminimizzaw kemm jistgħu l-espożizzjoni tagħhom għad-duħħan minħabb li l-arja toħloq riskji immedjati u fit-tul għas-saħħa.

Id-deterjorazzjoni tal-kwalità tal-arja ġiegħlet ukoll mill-inqas reġjun wieħed fil-Quebec – il-komunità Atikamekw f’Opitciwan, 350km fit-tramuntana ta’ Montreal – biex tittrasferixxi nies bl-ażma u problemi respiratorji oħra ‘l bogħod mid-duħħan.

Nirien madwar il-pajjiż diġà ħarqu aktar minn 3.3 miljun ettaru ta’ art – żona 12-il darba iktar mill-medja ta’ 10 snin għal dan iż-żmien tas-sena.

Eluf ta’ nies minn madwar il-pajjiż ġew evakwati, inkluż fi Quebec, fejn sal-lum in-nirien ħarqu madwar 200,000 ettaru ta’ art.

Sport