Sunday, April 13, 2025

“Nirrikonoxxi li jista’ jkun hemm ċertu kawtela”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech dwar l-istennija tal-Gvern għal reazzjoni dwar it-tariffi tal-Gvern Amerikan

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, irrikonoxxa l-kawtela tal-Gvern ta’ Robert Abela dwar it-tariffi tal-gvern Amerikan, Donald Trump, tariffi li qegħdin iwasslu għal inċertezzi ekonomiċi fuq skala globali.

Grech filwaqt li ammetta li l-istess Trump idher li se jmur lura fihom, qal li, “l-istennija min-naħa tal-gvern hija ħaġa li nirrikonoxxi. Jista’ jkun hemm ċertu kawtela imma hemm eluf ta’ ħaddiema involuti li se jkunu qegħdin jiġu affettwati”.

Il-Kap tal-Oppożizzjjoni avolja rrikonoxxa li l-mod kif qiegħed jaġixxi l-gvern huwa għaqli, esprima tħassib. Donnu kull ħaġa tajba, għalih hija xorta waħda ħażina. Fil-fatt irrikonoxxa wkoll li din hija sitwazzjoni li titlob biex bħalissa jibqa’ jsegwiha. Insista li waqt dan kollu, il-gvern irid xorta waħda, “jippronunzja ruħu ma’ kull min se jiġi affettwat minnhom”. Dan avolja d-dinja qiegħda tiffaċċja sitwazzjoni li ma tafx kif se jmur l-andament tagħha.

Hawn Grech insista li, “il-ħaddiema li jimpurtaw u jesportaw mill-Amerika jixtiequ serħan il-moħħ”. Hawn irribatta li “mhuwiex faċli li wieħed jesprimi ruħu malajr imma jien semmejt leħni biex il-gvern jagħti dan is-serħan il-moħħ. Iva, grazzi għall-fatt li aħna fil-UE, għandna refuġju imma għandu jagħti serħan il-moħħ lil kull min investa għax il-kwistjoni tat-tariffi se tkun qiegħda taffettwa lid-dinja kollha”. Tajjeb li nsemmu li huwa proprju għax pajjiżna, taħt amministrazzjoni Nazzjonalista daħal fl-Unjoni Ewropea, jista’ jkun li jintlaqat mill-miżuri tal-“gwerra tat-tariffi” li ssofri l-UE.


Fl-intervista tal-lum, Grech għal darb’oħra attakka lill-ħaddiema mill-pajjiżi terzi bi kliem perikoluż fejn insista li l-preżenza tagħhom “qiegħda żżid il-problema tat-traffiku”. Spjega li, “waħda mill-akbar problema fil-pajjiż li qiegħda tolqot lil kulħadd, hija dik tat-traffiku li qiegħda tikber minħabba popolazzjoni ta’ nies li jiġu minn barra l-UE ħalli jaħdmu f’pajjiżna. Mhux tort tagħhom… il-Gvern iġibhom”.

Fil-messaġġ tiegħu għall-festa tal-ħaddiem li daqt niċċelebraw Bernard Grech reġa’ wiegħed soluzzjonijiet, anke għall-għoli tal-ħajja. “Għalina l-ħaddiem huwa importanti… Huwa s-sinsla li jwettaq u jmexxi ‘l quddiem il-pajjiż. Inħarsu lejn il-valur tal-ħaddiem u ma rriduhx biss għax-xogħol imma li jgawdi lill-għeżież għal ħajja ta’ kwalità aħjar,” temm il-Kap tal-PN.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport